F’post konġunt, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbru li l-Kabinett tal-Ministri approva li l-Batterija magħrufa bħala tal-Qolla l-Bajda, tal-Qbajjar jew tax-Xwejni tgħaddi għand il-Fondazzjoni Din l-Art Ħelwa.
Il-batterija, li tinsab max-xatt pittoresk tal-Qbajjar u tax-Xwejni fil-limiti ta’ Żebbuġ, hija parti min-netwerk ta’ fortifikazzjonijiet mibnija fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann biex jiddefendu l-kosta Għawdxija.
Permezz ta’ dan il-ftehim ta’ kurazija, is-sit se jiġi fdat f’idejn Fondazzjoni Din l-Art Ħelwa, sabiex il-fergħa tagħha f’Għawdex twettaq xogħlijiet ta’ restawr, manutenzjoni u fl-aħħar mill-aħħar terġa’ tiftaħ il-bibien tal-batterija għall-pubbliku.
Il-Ministri sostnew li din hija “aħbar sabiħa” li turi l-impenn kontinwu tal-Gvern biex iħares u jippromwovi l-patrimonju storiku tal-pajjiż. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-għaqdiet volontarji biex siti storiċi jingħataw ħajja ġdida u jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Dan il-pass huwa sinjal ċar tal-wegħda li jitkompla l-ħarsien tal-wirt mill-isbaħ ta’ pajjiżna, filwaqt li jiġi żgurat li teżori bħal din il-batterija storika jibqgħu parti ħajja mill-identità kulturali ta’ Għawdex u Malta.
Facebook / Din L-Art Ħelwa – Għawdex