Il-Birgu Jiddi Mill-Ġdid Bir-Ritorn Ta’ ‘Museums By Candlelight’

Fort St Angelo

Museums by Candlelight se jirritorna fil-Birgu fl-ewwel appuntament tiegħu għal din is-sena, u jagħti l-ħajja lil wirtna fil-Forti Sant’Anġlu, il-Palazz tal-Inkwiżitur u, għall-ewwel darba, il-Knisja u l-Mużew ta’ San Lawrenz, kollha mdawla bi 15,000 xemgħa.

Permezz ta’ mużika live, artiġjanat, u re-enactments, il-belt se tittrasforma ruħha f’palk vibranti fejn il-viżitaturi jistgħu jgħixu l-istorja bħala esperjenza sħiħa.

Is-Sibt, 18 ta’ April, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Kunsill Lokali tal-Birgu, dawn it-tliet siti storiċi se jinfetħu matul ħinijiet speċjali filgħaxija – mis-19:00 sa nofsillejl – u jistiednu lill-pubbliku jesplora u jsawwar rabta mal-passat ta’ Malta f’ambjent immersiv.



Fil-Forti ikoniku ta’ Sant’Anġlu, wieqaf setgħani fil-ponta tal-Birgu, il-viżitaturi jistgħu jesploraw sekli ta’ storja Maltija msawra mill-gwerra u r-reżiljenza – mill-era medjevali tal-Forti bħala Castrum Maris sar-rwol deċiżiv tiegħu matul l-Assedju l-Kbir tal-1565 u aktar tard bħala fortizza kostali ewlenija u bażi tal-Flotta Ingliża.



Dan kollu waqt li jgawdu veduti panoramiċi tal-Port il-Kbir. Marċ imlewwen tal-In Guardia, li se jibda fis-7:00pm mid-daħla prinċipali tal-Birgu b’waqfiet quddiem il-Palazz tal- Inkwiżitur u l-Knisja u l-Mużew ta’ San Lawrenz, se jasal fil-Forti Sant’Anġlu, fejn ir-re-enactors se jibqgħu sa nofsillejl.



Bernie & Pod se jdoqqu fil-Forti mit-20:30 sa nofsillejl u Kathy the Vjolinist mis-19:30 sal-22:30. Artiġjani u bejjiegħa tal-ikel u x-xorb se joffru wkoll snajja’ u togħmiet lokali.

Fil-Palazz tal-Inkwiżitur, binja tas-seklu 16 li serviet bħala s-sede tal-Inkwiżizzjoni Rumana għal aktar minn 224 sena, joħroġ il-kuntrast qawwi bejn l-appartamenti privati eleganti u s-swali akkoljenti tiegħu, u t-tribunal, iċ-ċelel tal-ħabs u l-kamra tat-tortura.

Il-viżitaturi se jaraw ukoll artefatti l-ġmiel tagħhom mill-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti, miżmuma fil-Palazz. L-arpista Jacob Portelli se jdoqq mużika live mit-20:00 sal-23:00.

Fil-Knisja u l-Mużew ta’ San Lawrenz, il-viżitaturi jistgħu jammiraw oġġetti kurjużi bħall-kappell u x-xabla tal-battalja tal-Gran Mastru Jean de Valette, artefatti rari tal-fidda tas-seklu 16 miġjuba minn Rodi mill-Kavallieri ta’ San Ġwann, u pittura Venezjana attribwita lil Palma Vecchio.

Il-knisja,kapolavur arkitettoniku ta’ Lorenzo Gafà, fiha l-pittura monumentali tal-martirju ta’ San Lawrenz ta’ Mattia Preti, relikwarji storiċi, slaleb tal-artal Gotiċi, u appostli tal-injam skolpiti minn Mariano Gerada.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI