Il-Bank of Valletta ngħaqad ma’ miljuni ta’ individwi u organizzazzjonijiet madwar id-dinja biex ifakkar l-20 edizzjoni ta’ Earth Hour, inizjattiva globali mmexxija mill-World Wildlife Fund (WWF) li għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar it-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra li jolqtu lill-komunitajiet globalment.

Nhar is-Sibt 28 ta’ Marzu, il-Bank osserva din l-inizjattiva billi simbolikament itfi d-dawl mhux essenzjali f’għadd ta’ binjiet ewlenin tiegħu għal siegħa, bejn it-20:30 u d-21:30.
Din il-parteċipazzjoni tifforma parti minn impenn usa’ tal-Bank lejn sostenibbiltà ambjentali, li qed jitwettaq permezz ta’ diversi inizjattivi madwar l-operat kollu tiegħu. Fost dawn hemm l-installazzjoni ta’ pannelli solari fil-fergħat, l-introduzzjoni ta’ charging stations għal vetturi elettriċi fil-BOV Centre, kif ukoll l-użu ta’ ilma tat-tieni klassi li jinġabar f’żewġ ġibjuni b’kapaċità totali ta’ madwar 600,000 litru. Barra minn hekk, il-Bank implimenta sistemi ta’ dawl intelliġenti f’diversi binjiet.
Inizjattivi oħra jinkludu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bħall-‘Bring Your Own Container’, l-introduzzjoni ta’ laned tal-iskart tal-BCRS fl-Uffiċċju Ewlieni, kif ukoll attivitajiet ta’ volontarjat u CSR li jinkludu tindif f’diversi lokalitajiet madwar Malta.

Il-Bank qed ikompli jinvesti b’mod sostanzjali f’soluzzjonijiet sostenibbli fil-proġetti infrastrutturali tiegħu, bil-għan li jtejjeb l-effiċjenza enerġetika. Dawn jinkludu insulazzjoni mtejba tal-binjiet, twieqi bi ħġieġ doppju, sistemi ta’ dawl intelliġenti, u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli bħal sistemi fotovoltajċi. Barra minn hekk, ġew installati sistemi moderni ta’ tisħin, ventilazzjoni u arja kkundizzjonata (HVAC), integrati ma’ Building Management Systems (BMS) kemm fil-BOV Centre kif ukoll f’fergħat u uffiċji rinnovati.
Dawn is-sistemi huma mistennija jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’bejn 15% u 30%, filwaqt li jtejbu l-kumdità tal-impjegati. Il-BMS jippermetti monitoraġġ u kontroll f’ħin reali permezz ta’ sensors u kontrolluri, li jwasslu għal ġestjoni aktar effiċjenti u bbażata fuq id-data.
Fir-rigward tal-proġetti li għaddejjin fiż-Żejtun u Ħal Qormi, il-Bank ikkummissjona studji dwar il-carbon footprint kemm qabel kif ukoll wara r-rinnovazzjoni. Riżultati preliminari juru li dawn il-proġetti jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta’ sa 100 tunnellata ta’ emissjonijiet fis-sena meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti.

Iċ-Chief Operations Officer tal-BOV, Ernest Agius, sostna li l-parteċipazzjoni tal-Bank f’Earth Hour hija konformi mal-prinċipji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG), u tkompli ssaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala organizzazzjoni responsabbli. Huwa enfasizza li l-impenn tal-Bank ma jieqafx ma’ dan il-ġest simboliku, iżda jinkludi integrazzjoni kontinwa ta’ prattiċi sostenibbli fl-operat kollu tiegħu.
“Is-sostenibbiltà ambjentali hija prijorità strateġika ewlenija għalina. Aħna determinati li nkomplu mmexxu bl-eżempju billi nintegraw prattiċi sostenibbli f’kull aspett tal-operat tagħna,” temm jgħid Agius.