Bħala parti miċ-ċelebrazzjoniet tal-50 anniversarju tiegħu, il-Bank of Valletta jkompli bl-impenn tiegħu lejn il-preservazzjoni kulturali u l-involviment fil-komunità b’żewġ serati ddedikati lill-mużika u l-istorja. L-ewwel appunment huwa għal nhar it-Tnejn, 3 ta’ Frar fil-Bażilika u l-Kulleġġjat tal-Knisja Proto-Parrokkjali ta’ San Pawl fir-Rabat. L-appuntament li jmiss huwa t-Tnejn, 24 ta’ Frar, fil- Santwarju tal-Madonna tal-Qalb Sagra ta’ Ġesù f’ Tas- Sliema. F’dawn is-serati se jkun hemm is-sehem tal-Kwartett ta’ mużiċisti mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Dawn l-inizzjattivi jibnu fuq is-suċċess tas-sitt serati li ttellgħu s-sena l-oħra, u li ġabu flimkien il-komunitajiet biex jiċċelebraw il-wirt artistiku ta’ Malta. Dawn l-avvenimenti, li saru madwar Malta u Għawdex, żewġu l-mużika u l-arti biex joħolqu rabta sinifikanti bejn il-Bank, il-klijenti tiegħu, u l-komunità usà. Kull avveniment kien marbut ma’ proġett ta’ konservazzjoni sinifikanti li l-Bank kien ikkontribwixxa għalih biex jiżgura l-preservazzjoni tat-teżori kulturali ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Waqt li tkellem dwar dawn is-serati li ġejjin, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank, Ernest Agius, qal, “Il-50 anniversarju tagħna mhuwiex biss huwa ċelebrazzjoni tal-istorja tagħna iżda wkoll opportunità biex nagħtu lura lill-komunitajiet li appoġġjawna tul is-snin. Dawn l-avvenimenti jippermettulna nipproteġu l-wirt artistiku u kulturali ta’ Malta filwaqt li nipprovdu esperjenzi rikka għall-klijenti tagħna. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, qed nġeddu l-impenn tagħna għall-eċċellenza, is-sostenibbiltà, u l-involviment fil-komunità”.
Is-serata li se tittella’ fir-Rabat se timmarka t-tnedija tar-restawr ta’ disa’ pitturi tas-seklu 18 li jinsabu fil-Bażilika u l-Knisja Kolleġġjata Proto-Parrokkjali ta’ San Pawl. Sadanittant, f’Tas-Sliema, se jibda xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-post fuq il-pittura apsidali ikonika li tinsawb fis-Santwarju tal-Madonna tal-Qalb Sagra ta’ Ġesù. L-apside ġġib l-isem tat-Trijonf tal-Immakulata Konċezzjoni u hija xogħol tal-pittur Giuseppe Cali. Dan iż-żewġ proġetti ta’ restawr huma fdati lil PrevArti, li kienu strumentali fil-preservazzjoni ta’ wħud mill-aktar xogħlijiet ta’ arti għeżież li għandna fil-gżejjer tagħna.

L-avvenimenti li se jittellgħu fi Frar se jinkludu intervent qasir mir-restawratur magħruf Pierre Bugeja minn PrevArti. Huwa se jaqsam tagħrif dwar il-proċess ta’ restawr, u jikkondividi l-istorja u s-sinifikat tal-opri ta’ arti li se jiġu rrestawrati. Il-mistednin se jgawdu wkoll minn wirja mużikali mill-kwartett tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Il-Bank jibqa’ sod fil-missjoni tiegħu li jrawwem apprezzament aktar profond għall-wirt kulturali u artistiku ta’ Malta. Dawn l-avvenimenti huma ċelebrazzjoni tal-komunità, l-istorja, u l-valuri dejjiema li ddefinixxew il-Bank matul dawn l-aħħar 50 sena.
Dan l-avveniment huwa miftuħ għal kulħadd u huwa bla ħlas. Se jkun hemm postijiet disponibbli fuq il-bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda. Il-Bank jistieden lil kulħadd biex jingħaqad f’dawn iċ-ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali, l-istorja, u mużika.