Il-Bank of Valletta, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Karl Vella, organizza workshop iffukat fuq il-benesseri, li laqqa’ flimkien impjegati minn madwar il-Bank sabiex jitkellmu u jirriflettu dwar il-kompassjoni, in-niket u s-sigurtà psikoloġika.
L-inizjattiva fetħet spazju għal diskussjoni dwar esperjenzi li ħafna drabi ma jkunx faċli li wieħed jitkellem dwarhom, filwaqt li enfasizzat l-importanza li jinħolqu ambjenti ta’ appoġġ kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali.
Waqt il-workshop li sar fir-Rabat, Mark Calleja mill-Fondazzjoni Karl Vella mexxa żewġ sessjonijiet. Calleja huwa professjonist ikkwalifikat fit-Taħriġ u l-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani, b’għarfien speċjalizzat fil-Psikoloġija Transpersonali.

L-ewwel sessjoni, “In-Niket – Il-Prezz tal-Imħabba”, esplorat kif kull persuna u familja tesperjenza t-telf b’mod differenti, u l-importanza tal-appoġġ fi żminijiet diffiċli.
It-tieni sessjoni, “Is-Sigurtà Psikoloġika u l-Kompassjoni fuq il-Post tax-Xogħol”, iffukat fuq kif il-kompassjoni, il-fiduċja u r-rabta bejn in-nies jistgħu jsaħħu l-benesseri, ir-relazzjonijiet u l-ambjent tax-xogħol.
L-impjegati tal-BOV kellhom l-opportunità jitkellmu b’mod miftuħ dwar in-niket u t-telf, jegħlbu l-istigma marbuta magħhom, u jieħdu sehem f’konverżazzjoniijiet sinifikanti dwar suġġett li ħafna drabi jiġi evitat.
Is-sessjonijiet intlaqgħu tajjeb minn dawk preżenti, li enfasizzaw kemm hu importanti li jkun hemm spazju sigur fejn wieħed ikun jista’ jitkellem, jirrifletti u jifhem aħjar il-proċess tan-niket.
Is-Sur Calleja ħeġġeġ aktar organizzazzjonijiet biex joħolqu opportunitajiet simili ffukati fuq il-benesseri tal-impjegati, kemm biex ikattru l-għarfien dwar suġġetti sensittivi, kif ukoll biex joħolqu spazju sigur fejn l-impjegati jistgħu jiltaqgħu, jitkellmu u jaqsmu esperjenzi bħan-niket u t-telf.
Din l-inizjattiva tagħmel parti mill-kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Bank of Valletta u l-Fondazzjoni Karl Vella. Il-Bank ilu snin jappoġġja l-programm “Because You Matter” tal-Fondazzjoni.

Sal-lum, dan il-programm kien ta’ sostenn għal aktar minn 400 persuna, filwaqt li bħalissa 254 persuna qed jingħataw appoġġ emozzjonali kif ukoll terapija individwali jew għall-familja.
Dan is-servizz joffri appoġġ emozzjonali u psikoloġiku lill-pazjenti, lid-donaturi u lil dawk li jieħdu ħsiebhom meta jkollhom bżonn isiefru għal trattament mediku speċjalizzat.
Dan jinkludi telefonati skedati, kuntatt regolari, terapija individwali u intervent minn professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali f’mumenti ta’ kriżi .
Ikkoordinat mit-Tim tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-BOV, il-workshop offra lill-impjegati spazju biex jieqfu ftit, jingħaqdu flimkien u jitkellmu apertament dwar in-niket, is-saħħa mentali, ir-reżiljenza u l-benesseri emozzjonali.
L-inizjattiva tenfasizza wkoll l-impenn komuni tal-Bank of Valletta u l-Fondazzjoni Karl Vella li joħolqu ambjent tax-xogħol fejn kulħadd iħossu mifhum u appoġġjat, u fejn wieħed iħossu komdu jitlob l-għajnuna meta jkollu bżonnha.