“Iċ-ċiklun Harry ddomina t-titli tal-aħbarijiet madwar Malta, b’ħafna kmamar tal-aħbarijiet jiffokaw fuq il-bidliet drammatiċi fil-kosta, il-ħsara fl-infrastruttura u l-mewġ qawwi li neħħa strutturi tul ix-xatt.
F’postijiet bħal Għar Lapsi, il-maltemp saħansitra ġie deskritt bħala wieħed li “reġa’ ġab” is-sit għall-istat naturali tiegħu. Madankollu, fost dan kollu, aspett kruċjali ta’ dan l-avveniment estrem baqa’ kważi kompletament injorat: kif affettwa l-ħajja selvaġġa u kif ħafna minnha ma rnexxilhiex tgħix.
Dan kien partikolarment evidenti f’Pretty Bay, Birżebbuġa, fejn fil-jiem ta’ wara l-maltemp, ix-xatt kien mimli b’annimali tal-baħar u kostali mejta. Xena li, sfortunatament, setgħet faċilment tiġi deskritta bħala “bajja cimiterju”.

Skont stimi konservattivi, mijiet ta’ annimali selvaġġ mietu direttament minħabba l-mewġ vjolenti, l-enerġija qawwija tal-baħar u t-tfixkil f’daqqa tal-ambjenti kkawżati miċ-ciklun Harry.
Instabu diversi annimali tal-baħar mejta wara li nġarru lejn ix-xatt bil-forza. Fosthom kien hemm ħut bħaċ-ċawl , papagalli briqex eċċ, kif ukoll speċi kostali u ta’ qrib ix-xatt oħra li normalment jgħixu f’żoni baxxi, fuq blat jew fuq ir-ramel.
Dawn l-organiżmi huma partikolarment vulnerabbli għal turbulenza intensa, moviment qawwi tas-sediment u bidliet f’daqqa fil-pressjoni u l-espożizzjoni.
Xi ftit ħajjiet ġew salvati: waqt interventi fuq il-post irnexxielna nsalvaw bħal busuf, diversi bebbux tal-baħar, qarnit u numru ta’ buzzu tar-ramel. Rebħiet żgħar quddiem mortalità estensiva.
L-impatt tal-maltemp ma kienx limitat għall-ambjent marittimu biss. Diversi speċi ta’ annimali terrestri nstabu wkoll mejta tul il-kosta u ż-żoni tal-madwar, fosthom gremxul, sriep u bugeddum.

Dawn l-annimali x’aktarx ġew imkeċċija minn għargħar tal-baħar qabel ma nħakmu mill-kundizzjonijiet estremi.
Fl-istess ħin, meded kbar ta’ flora selvaġġa kostali sofrew ħsara serja jew ġew kompletament meqruda, maħruqa mis-salinità, maqlugħa mill-għeruq jew midfuna taħt sediment imċaqlaq bil-forza tal-mewġ.
L-attenzjoni pubblika, madankollu, malajr inbidlet. Filwaqt li ħafna nies ħadu vantaġġ minn ħut li ħarab minn fish farms waqt il-maltemp, u b’hekk ittrasformaw il-konsegwenzi tiegħu f’opportunità ta’ sajd, ftit li xejn ingħatat importanza lill-ħsara serja li sofra l-qiegħ tal-baħar kostali.
Osservazzjonijiet fuq il-post jindikaw tħaffir qawwi, dfin ta’ abitati bentoniċi u tfixkil ta’ ekosistemi fraġli ta’ qrib ix-xatt, b’impatti li x’aktarx jieħdu snin biex jirkupraw, jekk qatt jirkupraw.
Inħolqu wkoll tħassib fost min iħobb l-annimali u residenti lokali dwar l-għajbien f’daqqa ta’ diversi kolonji ta’ speċi aljeni, inklużi qtates , kif ukoll popolazzjonijiet ta’ tiġieġ u papri li jgħixu liberament f’żoni kostali u peri-urbani.

Għalkemm dan l-għajbien huwa inkwetanti, għadu mhux ċar jekk dawn l-annimali mitux jew irnexxielhomx isibu kenn adegwat waqt il-qofol tal-maltemp.
Hemm tama kawta li tal-inqas xi individwi baqgħu ħajjin u jistgħu jerġgħu jidhru hekk kif il-kundizzjonijiet jistabbilizzaw ruħhom.
Madankollu, dan kollu juri kemm avvenimenti klimatiċi estremi jfixklu kull forma ta’ ħajja, kemm indiġena kif ukoll aljena.
Hekk kif l-ispezzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fuq il-post ikomplu fil-jiem li ġejjin, hemm dubju jinstabux aktar annimali vulnerabbli, jew mejta jew fil-bżonn ta’ għajnuna urġenti.
Din is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi tenfasizza realtà kerha: maltempati estremi ma jaffettwawx biss l-infrastruttura jew il-pajsaġġ, iżda jħallu warajhom piż ekoloġiku profond u spiss inviżibbli.
Iċ-ċiklun Harry għandu jitqies bħala twissija ċara. Il-ħajja selvaġġa m’għandhiex sistemi ta’ twissija bikrija, m’għandhiex kenn, u lanqas fondi ta’ rkupru.
Jekk Malta verament trid tibni reżiljenza klimatika, l-evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali għandhom jinkludu mhux biss il-konvenjenza tal-bniedem u l-ħsara strutturali, iżda wkoll it-telf tal-bijodiversità u l-ħsara lill-ekosistemi.
Il-maltemp għadda, iżda l-konsegwenzi ekoloġiċi tiegħu għadhom għaddejjin, u li ninjorawhom ikun żball li ma nistgħux nibqgħu nagħmlu.”
Arnold Sciberras