Ġest sabiħ u mimli mħabba wassal tbissima fuq wiċċ diversi pazjenti adulti li bħalissa għaddejjin minn trattament diffiċli, hekk kif Smiling with Jerome Foundation żaret iċ-Ċentru tal-Onkoloġija biex tqassam il-figolli għall-Għid.
Filwaqt li matul dan iż-żmien tas-sena ħafna attenzjoni tingħata lit-tfal, speċjalment permezz tal-bajd tal-Għid u l-ħelu, il-fondazzjoni fakkret li anke l-adulti li qed jiġġieldu kontra mard serju jistħoqqilhom mumenti ta’ ferħ u kura.
Matul iż-żjara tagħhom fiċ-ċentru magħruf bħala Sir Anthony Mamo Oncology Centre, tqassmu madwar 80 figolla lill-pazjenti fil-Wards 1 u 2, fil-Hematology Ward kif ukoll fil-Palliative Care. Ġest żgħir, iżda li jagħmel differenza kbira għal min jinsab għaddej minn mumenti diffiċli.
Il-fondazzjoni esprimiet il-gratitudni tagħha lejn dawk kollha li għamlu dan possibbli, fosthom Rudolph Cini li kkoordina l-inizjattiva, persuna li xtaqet tibqa’ anonima u li għamlet ix-xiri, kif ukoll Neriku li ta l-appoġġ tiegħu.
Din l-inizjattiva tfakkarna li l-kura u l-kompassjoni m’għandhomx età, u li kultant biċċa ħelu tista’ ġġib magħha mument ta’ tama u faraġ lil min għandu bżonnha l-aktar.
Facebook / Smiling With Jerome