“Il-Forzi Tal-Frizzjoni Bejn L-Arja Miexja Bir-Riħ U L-Ilma F'Wiċċ Il-Baħar Joħolqu Trasferiment Ta' Enerġija” – Maltese Islands Weather

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Maltese Islands Weather qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni edukattiva dwar kif jifforma l-mewġ.

Huma qalu, “Kif jiżviluppa l-mewġ? X’inhuma ż-żewġ tipi differenti ta’ mewġ? Meta r-riħ jonfoħ fuq medda ta’ baħar jew oċean jipproduċi l-mewġ. Il-forzi tal-frizzjoni bejn l-arja miexja bir-riħ u l-ilma f’wiċċ il-baħar joħolqu trasferiment ta’ enerġija. Dan jiddeforma l-wiċċ tal-baħar u jinħoloq il-mewġ. Skont il-veloċità tar-riħ, il-mewġ ivarja minn ċkejken sa l-akbar ħaħel. Id-distanza bejn l-ogħli tal-mewġa u l-oħra hija l-‘wavelength’. Il-funzjonijiet tal-mewġ huma ħafna. Huma joħolqu bżieżaq tal-arja li jgħinu biex l-ilma jiġi ossiġenat.”

Żiedu jgħidu, “Huma jsawru wkoll ix-xtut. Il-mewġ li jkisser jeħles melħ tal-baħar u partiċelli oħra fl-arja. Hekk kif il-mewġ joqrob lejn ix-xatt, l-ilma jkompli jasal bl-istess veloċità u r-riħ jibqa’ kostanti. Bħala riżultat, il-‘wavelength’ titqassar u l-mewġ isir aktar wieqaf. Meta l-mewġa ssir wieqfa wisq u titkisser. L-enerġija tkun rilaxxata u l-ilma jġorr ramel, ċagħaq u materjal ieħor ‘il quddiem u lura. Il-mewġ jista’ jinqasam f’żewġ gruppi separati; distruttivi u kostruttivi. Mewġ distruttiv jinħolqu f’kundizzjonijiet ta’ maltemp. Huma għandhom it-tendenza li jħassru l-kosta. Ħafna bajjiet bir-ramel għandhom it-tendenza li jkunu l-aktar dejqa fir-rebbiegħa, wara l-mewġ distruttiv tax-xitwa preċedenti. Min-naħa l-oħra, mewġ kostruttiv jinħoloq minn temp sabiħ u żiffa ħelwa.”

Qalu wkoll, “Dawn jiddepożitaw sediment max-xatt, u jibnu l-bajjiet. Il-bajjiet bir-ramel għandhom it-tendenza li jkunu l-aktar wiesgħa fil-bidu tal-ħarifa, wara l-mewġ aktar kostruttiv tas-sajf ta’ qabel. Fattur ieħor interessanti marbut mal-mewġ huwa r-raxx tal-baħar. Dan huwa qtar ta’ ilma li jonfoħ fir-riħ wara li mewġa titkisser mal-blat. Ġieli nnutajt kif il-karozza u t-twieqi jkunu miksijin bi żlieġa bajda kollha trab wara ġurnata mirjieħa? Dan huwa l-melħ li tħalla warajh mir-raxx tal-baħar. Ir-raxx tal-baħar jivvjaġġa għal ħafna kilometri. Minħabba f’hekk, imkien fil-Gżejjer Maltin mhu ‘l bogħod biżżejjed mill-influwenza tal-baħar.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI