Majello Marilanda ħabbret b’sodisfazzjon kbir li l-grupp vokali ILĦNA – magħmul minn Claire Marie Busuttil, Clara Calleja, Mina Rouvelas Cassar u Gianluca Zammit – se jkun parti mill-kast tal-XXXIII edizzjoni tal-Kunċert tal-Milied f’Ruma. Il-kunċert se jixxandar prime time nhar il-25 ta’ Diċembru fuq Canale 5 Mediaset, wieħed mill-aktar stazzjonijiet popolari fl-Italja.
Il-parteċipazzjoni ta’ ILĦNA f’dan il-kunċert prestiġjuż tfisser pass importanti għall-grupp, li f’temp qasir kiseb apprezzament għal-leħen uniku u l-armoniji distintivi tiegħu. Il-Kunċert tal-Milied f’Ruma jiġbor artisti rinomati minn madwar id-dinja, u għalhekk il-preżenza ta’ talent Malti fuq dan il-palk internazzjonali hija ta’ min ifaħħarha.
ILĦNA huma mistennija jsegwu programm ta’ provi intensivi f’Ruma, fejn se jingħaqdu ma’ artisti internazzjonali għal spettaklu li kull sena jkompli jikseb popolarità. Il-kisbiet ta’ ILĦNA jkomplu jpoġġu lil Malta fuq il-mappa mużikali internazzjonali. Il-Kunċert tal-Milied f’Ruma mhux biss se jkun opportunità biex juru l-abbiltà vokali tagħhom, iżda wkoll biex iwasslu l-identità mużikali Maltija lil udjenza ferm usa’.
Il-grupp intagħżel minn Majello Marilanda. Fit-13, se jkollhom udjenza mal-Papa flimkien mal-mistiedna li se jkunu preżenti għall-kunċert. Id-direttur mużikali huwa Adriano Pennino, il-preżentatriċi hija Federica Panicucci. Majello Marilanda jirringrazzja lill-kowċis vokali li kkollaboraw fil-preparazzjoni vokali tagħhom: Phylisienne Brincat, Gillian Attard, u Claudia Magrin.
Prosit lill-membri kollha tal-grupp – u nistennew b’ħerqa li narawhom fuq Canale 5 nhar il-Milied!