Il-Ġurija Ta' Malta's Got Talent – Ismijiet Li Żgur Joħolqu Spettaklu!

Hemm ħafna stennija għal Malta’s Got Talent, kulħadd għandu kurżità partikolari! Min jistgħu jkunu l-ġurija tal-ewwel staġun ta’ Malta’s Got Talent! Ngħiduha kif inhi, din id-darba mhux mill-kamp mużikali biss imma mix-xena tal-ispettaklu lokali. Il-ġurija jridu jkunu esperti u jagħrfu t-talent minn diversi setturi.

Għal programm ta’ spettaklu jrid ikollok ġurija interessanti, b’personalità kbira. Aħna ħsibna fi ftit ismjiet li nimmaġinaw li kieku jagħmlu ġurija tassew interessanti! Araw x’taħsbu mil-lista tagħna u jekk għandkom xi ideat oħra tiddejqux tibgħatulna ta’… nieħdu gost nisimgħu x’għandkom xi tgħidu intom ukoll!



Valentina Rossi



Ritratt: Facebook / Valentina Rossi

Min ma jħobbx lil Valentina? Tidher tal-ġenn u għandha personalità li tinżel għasel ma’ ħafna. Iddaħkek u fl-istess ħin dak li tħoss tgħidu bla filter ħafna drabi. Żgur li tkun ideali għall-programm bħal dan! Għandha esperjenza fil-kamp tal-moda, tax-xandir, tad-drama u ma għandhiex vuċi ħażina meta ġieli tellgħat xi filmat tkanta!



Danusan

Ritratt: Facebook / Danusan

Id-duo komiku segwiti minn bosta! Fil-kamp tad-drama għandhom ħafna esperejnza u anke fil-qasam tax-xandir. Barra minn hekk rajniehom bi spettakli mill-aqwa li eluf ta’ nies attendew għalihom. Nimmaġinawhom jgħaddu kummenti li jistgħu jgħinu lil dak li jkun u jnisslu tbissima wkoll! Ngħidu kif inhi, dawn qishom offerta… ixtri wieħed u jiġi l-ieħor b’xejn!

Carina

Ritratt: Kris Micallef – Facebook / Carina Camilleri

“That’s a big NO NO!” Frażi li snin wara Carina għadha tissemma’ għaliha. Frażi li qalet fuq programm lokali, imma immaġinaw kieku kellha l-pjattaforma ta’ Malta’s Got Talent. Kemm nisimgħu frażijiet oħra! Probabbli tiġi l-aktar persuna kwotata f’Malta fl-ewwel ġimgħa tal-programm. Mingħandha nistennew ilbies elaborat u nafu li mhux ħa tibqa’ lura milli tgħaddi l-opinjoni ġenwina tagħha!

Muxu

Ritratt: Facebook / Muxu

Matt beda bħala żeffien u kantant, illum il-ġurnata aktar iffukat fuq li jikteb il-kanzunetti. Għandu wkoll l-esperjenza li ħadem ma tant u tant kantanti bravi u li jippromettu barra l-fatt li rebaħ il-Junior Eurovision darbtejn. Personalità li jinżel tajjeb man-nies. Simpatiku u ma jżommx lura milli jgħid li jaħseb anqas! Taf ikun ġurat ideali!

Sarah Zerafa

Ritratt: Facebook / Sarah Zerafa

Għandha eluf ta’ nies isegwuha u żgur li tgħin biex tagħmel dan il-programm aktar popolari kemm mal-Maltin u kemm mal-barranin. Barra minn hekk, Sarah hi persuna b’esperjenza fil-kamp tal-moda wkoll. Naħseb tkun inkredibbli kieku kellna narawha fuq l-istess panel flimkien ma’ Carina. Min jaf ikunx hemm xi ġlieda taħraq fuq it-television bejn dawn iż-żewġ karattri b’saħħtihom?

Renato

Ritratt: Facebook / Renato Micallef

Renato għandu personalità kkulurita ferm u snin twal ta’ esperjenza fil-kamp mużikali. Kemm bħala kantant u anke bħala attur. Vera nimmaġinawh ipoġġi fuq is-siġġu u jkun wieħed mill-ġurija ta’ dan l-ispettaklu. Ċajtier iżda mhux ħa jiddejjaq jesprimi l-opinjoni tiegħu żgur. Ifakkarna naqra fi żmien ix-xinxilli ta’ meta mar il-Eurovision fl-1975!

Gordon Bonello

Ritratt: Facebook / Gordon Bonello

B’esperjenza ta’ numru ta’ Junior Eurovision warajh fejn il-produzzjoni kienet fdata f’idejh, bħala attur u komiku mill-aqwa, bħala preżentatur u elf ħaġa oħra… Gordon żgur li għandu l-kwalitajiet kollha biex ikun fost il-ġurija ta’ Malta’s Got Talent! It-talent kapaċi jiċċumbah minn mitt mil ‘il bogħod u verament narawh jieħu postu fuq wieħed mis-siġġijiet!

Howard Keith

Ritratt: Facebook / Howard Keith Debono

Kien imlaqqam is-Simon Cowell ta’ Malta, kien hemm min ħabbu u oħrajn li ma tantx niżlilhom għasel. Imma Howard, hu Howard. Lest li jagħti l-opinjoni onesta tiegħu bla ma jiddejjaq x’jistgħu jgħidu n-nies. Rebaħ l-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta u fit-tieni edizzjoni irnexxielu jwassal grupp fil-finali tal-kompetizzjoni! Għandu ħafna kwalitajiet li żgur jagħtu valur lil din it-tip ta’ produzzjoni.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI