Mireille Bonello wiċċ maħbub mmens mat-telespettaturi. Rajnieha tippreżenta diversi programmi tul is-snin fuq stazzjonijiet differenti. Fl-iskeda li għaddiet, kienet qed tippreżenta l-programm Kikkra Te fuq NET Television u kellha ċ-ċans ukoll li għall-ewwel darba tippreżenta fuq ir-radju permezz ta’ NET FM.
Tul l-iskeda li għaddiet, Mireille għamlet xahrejn ma tidhirx. Hi kienet avżat fuq il-mezzi soċjali li ser tieqaf għal ftit xhur. Ir-ritorn tagħha fuq il-programm kien lejn l-aħħar ta’ Ġunju fejn hemm hi kienet kompliet bir-rutina tagħha.
Mireille żvelat magħna li qed tistenna l-ewwel tarbija tagħha u kien għalhekk li ħasset il-ħtieġa li tieqaf għal ftit ġimgħat brejk f’dak iż-żmien. Mireille flimkien mal-partner tagħha ħa jsiru ġenituri għal Ottubru, hekk kif tkun għadha kif bdiet l-iskeda l-ġdida!
Kif kulħadd jaf, Mireille għandha wkoll negozju tagħha, ħanut tal-ħwejjeġ. Hi tistqarr, “il-ħanut qisu t-tieni tarbija tiegħi” iżda issa ħa jkollha t-tieni x’tieħu ħsieb. Kif jixraq, Mireille qiegħda tiffoka fuq it-twelid tat-tarbija tagħha, u tara aktar ‘il quddiem dwar proġetti futuri. Awguri minn qiegħ qalbna Mireille!
L-intervista kompluta ġiet ippublikata b’mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta’ Settembru. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.