Dr.Nicholas Briffa jaqsam mal-udjenza tiegħu ħsieb dwar l-immigranti li ġew salvati minn fuq dgħajsa li nqalbet fil-baħar.
“Żgur li wieħed għandu jagħti ġieħ lill-Forzi Armati ta’ Malta li dalgħodu intervjenew u salvaw madwar 60 persuna wara li d-dgħajsa li kienu fuqha nqalbet. Iżda meta taqra r-reazzjonijiet fuq il-midja soċjali, speċjalment dawk mimlija mibegħda, razziżmu u biża’ mill-ieħor, ma tistax ma tħossx dieqa profonda. Titkexkex taqrahom uħud minnhom!
Ikompli billi jgħid, “Ngħixu f’pajjiż li jħobb jitkellem u jippontifika fuq il-prinċipji, fuq dak li hu tajjeb” u ħażin, imma mbagħad jitkellem b’kruha dwar bnedmin oħra li sabu ruħhom fil-periklu. Anke jekk wieħed ma jemminx f’Alla, hemm valuri li m’għandhomx bżonn reliġjon biex jinftiehmu: id-dinjità tal-bniedem, l-empatija, u s-sens bażiku ta’ umanità.
Il-ħniena mhijiex kwistjoni ta’ fidi imma ta’ kuxjenza. Il-kompassjoni mhijiex ideoloġija imma reazzjoni umana quddiem it-tbatija ta’ ħaddieħor. Quddiem ħajja fil-periklu m’hemmx bżonn tkun Nisrani, Buddista, Musulman jew ateu biex tifhem li dak li jmiss li nagħmlu hu li ngħinu u nifhmu. Qabel kollox, aħna bnedmin.”