Il-wirdien jistgħu jkunu fost l-aktar ħlejjaq ikkritikati u mibgħuda fid-dinja, iżda n-naturalista u konsulent fl-immaniġjar tal-pesti Arnold Sciberras qed jaħdem biex ibiddel ir-reputazzjoni tagħhom.
Kull sena fl-14 ta’ Marzu, xjenzati u dilettanti josservaw il-World Cockroach Day; inizjattiva li tħeġġeġ l-għarfien minflok informazzjoni żbaljata u tenfasizza l-valur ekoloġiku ta’ waħda mill-aktar linji antiki ta’ insetti fid-dinja.
Sciberras kabbar din l-idea bil-World American Cockroach Day fil-25 ta’ Mejju u bl-appoġġ għall-World Pest Day fis-6 ta’ Ġunju, billi rabat l-edukazzjoni pubblika ma’ kontroll responsabbli u bbażat fuq ix-xjenza.
“Dawn il-jiem mhumiex biex nigglorifikaw il-pesti,” jgħid hu, “iżda biex nifhmu l-bijoloġija tagħhom u l-irwol tagħhom fin-natura.”
Il-wirdien ilhom jeżistu għal katar minn 300 miljun sena, jirriċiklaw in-nutrijenti, isostnu l-katini tal-ikel, u saħansitra jgħinu fir-riċkera moderna fin-newrobijoloġija u r-robotika. Il-wirdiena Amerikana saret organiżmu mudell għall-istudju tal-moviment u r-reżiljenza, oqsma li Sciberras esplora permezz ta’ snin ta’ trobbija u dokumentazzjoni.
Id-data tal-14 ta’ Marzu tonora lir-riċerkatur pijunier Lewis T. Roth, li x-xogħol tiegħu biddel l-attitudnijiet xjentifiċi lejn dan il-grupp. Il-messaġġ imur lil hinn mill-wirdien u jinkludi l-insetti b’mod ġenerali.
Inizjattiva bħal Be Nice To Bugs Day (14 ta’ Lulju) iħeġġu lin-nies jevitaw il-qtil bla bżonn, joħolqu spazji favur il-pollinaturi, u jitgħallmu dwar id-99% tal-ispeċi li huma bla ħsara.
B’avvenimenti bħall-World Bee Day, Insect Week u l-International Day of Insects, Sciberras jittama li l-kurżità tieħu post il-biża’.
“Il-kontroll effettiv jiġi mill-għarfien,” jinsisti hu, “u mir-rispett lejn il-ħlejjaq żgħar li bil-mod il-mod iżommu l-pjaneta tagħna taħdem. Ftit biss aktar minn 5,000 speċi huma verament pesti; il-bqija kollha huma ta’ benefiċċju u kruċjali għalina u għall-ekosistemi tad-dinja”.