Il-kantawtriċi Maltija Hannah Theuma qed tikseb suċċess ieħor importanti fix-xena mużikali internazzjonali, hekk kif kanzunetta miktuba minnha waslet sal-finali tas-selezzjoni Norveġiża għall-Eurovision Song Contest, din id-darba bħala kittieba.
Il-kanzunetta Forevermore hija miktuba minn Hannah Theuma, Patrick Jean, Audun Agnar Guldbrandsen u l-kantanta nnifisha Silke. Skont informazzjoni li ħarġet, jidher li din il-kanzunetta kellha t-twelid tagħha proprju f’Malta, waqt is-songwriting camp li sar f’Ġunju tal-2025 f’pajjiżna.
Kevin Lee, wieħed mill-organizzaturi tal-camp, kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu li Forevermore hija kanzunetta li nibtet mill-camp li għamel flimkien ma’ Gordon Bonello, fatt li jkompli jenfasizza l-irwol li dejjem qed jikber ta’ Malta fil-proċess kreattiv ta’ kanzunetti li jaslu anke barra minn xtutna.
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li naraw it-talent Malti jkompli jifjorixxi barra minn Malta, speċjalment f’kompetizzjonijiet prestiġjużi bħal dawn. Fil-fatt, Patrick Jean, Silke u Audun Agnar Guldbrandsen mhumiex stranġieri għax-xena lokali, hekk kif kienu wara diversi kanzunetti li rajna fis-selezzjoni tal-Malta Eurovision Song Contest tul dawn l-aħħar tliet snin.
Fost is-siltiet li ħadmu fuqhom insibu Sirena ta’ Erba’, Festa (No Time For Siesta) ta’ JVF, Hideaway ta’ Mark Anthony Bartolo, Breathe ta’ Lisa Gauci, Ejja Lejja Ħdejja ’l Hawn (The Flute) ta’ Matt BLXCK, Mumenti Sbieħ ta’ Mark Anthony u Topic (Bla Bla) ta’ Greta Tude, kanzunetti li ħallew impatt qawwi fuq il-pubbliku Malti.
Dan is-suċċess ieħor jikkonferma li Malta qed issir punt ta’ riferiment importanti fil-kitba u l-produzzjoni mużikali, u li l-kreattività lokali għandha postha wkoll fuq l-akbar pjattaformi tal-Ewropa. Is-songwriting camp li rajna f’pajjiżna tul dawn l-aħħar tliet snin, ta opportunitajiet mill-isbaħ lill-kantanti u kittieba lokali sabiex jimirħu anke barra minn xtutna.
Wieħed jista’ jisma’ silta qasira mill-kanzunetta HAWN.
Facebook / Hannah Theuma