“Il-Kummiedja Kienet Maskra Għalija Sakemm Qed Nikber” – Manolita Ellul

F’intervista ma’ Manolita Ellul, li ħafna jafuha bħala Rosemary Pollaco mis-serje tant maħbuba Deċeduti, hi qasmet magħna diversi esperjenzi, memorji u anke realtajiet differenti tal-ħajja.

Xi jfisser għalik żmien il-Milied?

Żmien il-ġabra; tiltaqa’ ma’ ħafna nies li tkun ilek ma tarahom u bil-ħajja bieżla li għandha ma jkollnix iċ-ċans imma fi żmien il-Milied nagħmlu sforz. Żmien il-ġabra hux. Rigali u ikel u xorb ma jonqosx!

Tixtieq taqsam magħna l-esperjenza tiegħek dwar is-psychosis?

Għamilt 3 snin (2018-2020) għaddejja biha. Psychosis hija meta l-moħħ jinqata’ mir-realtà u jibda jimmaġina realtajiet oħra u xi kultant ikunu surreali: jiġifieri li jiena kien hemm żmien fejn kont nemmen li ommi qed tipprova tivvalenani jew li qed tipprova toqtolli t-tfal. U dawn mhux sempliċiment tkun qed taħseb ħażin jiġifieri – tkun qed temminhom. Huwa diffiċli ħafna għax inti ma tkunx qed tara r-realtà (u għalxejn jgħidulek) u għal ta’ madwarek.

Kont anke ġejt rikoverata Mount Carmel. Kien ikolli dawn l-episodji u kienu jiġru għax ma kontx nieħu medikazzjoni għax parti mill-paranojja li kelli kienet li t-tobba kienu kontrija u qed jagħtuni l-medikazzjoni għalxejn. Wasalt f’punt fejn kont qed nisma’ l-ilħna u nara affarijiet li ma kienux hemm. Meta ġejt rikoverata, bdejt nieħu l-medikazzjoni u bdejt niġi f’tiegħi u bdejt ngħid ‘dan mhux reali’ u bdejt ninduna. Hija sofferenza kbira anke għal ta’ madwarek, speċjalment tal-familja li jkunu qed jippruvaw jgħinuk. Is-‘self-awareness’ tiegħek titlaq kompletament. Issa ilni ħames snin stabbli grazzi għall-medikazzjoni u għadda kollox b’wiċċ il-ġid.



Inti bdejt id-drama minn età żgħira, sa anke ppreżentajt lil Malta fil-Ġermanja għal xi prestazzjoni. Minn fejn ġiet din l-imħabba għad-drama?



Bdejt mill-iskola: kienu saru xi auditions mit-teacher tal-Litteratura Ingliża għal play ta’ prize day u ntgħażilt meta kelli xi 10. Ħadt gostu ħadt pjaċir. Bqajt involuta minn hemm, anke plays tal-Milied kont nieħu sehem. Ta’ xi 13 kien hemm auditions minn skejjel differenti biex nirrappreżentaw lil Malta ġol-Ġermanja għal World Children’s Theatre Festival u kont intgħażilt.

Wara l-iskola kont qtajt mid-drama imma dejjem baqgħet f’moħħi li nerġa’ u meta kelli 27 kienu għamlu auditions Take2, għall-Evanġelisti u kont ingħażilt għal parti fih. Minn hemm skoprejt li kont inħobb il-kummiedja għax waqt il-filming tgħidx kemm konna nikkummidjaw. Wara dak għamlu auditions għal Deċeduti u ntgħażilt.

Inti tibqa’ ikonika għall-irwol tiegħek bħala Rosemary fuq Deċeduti. Taqsam magħna xi memorji sbieħ li kellek waqt li kont tinterpreta dan l-irwol?

L-iktar li konna nidħku kienu fix-xeni fejn konna nkunu kollha jiġifieri l-ħajjin u d-deċeduti. Keinet tkun ‘nightmare’ biex niffilmjaw imma konna nidħku ħafna u veru konna nieħdu pjaċir. Xena partikolari li niftakar kienet tal-‘vintage’ tal-lampa. Dik kienet improvisation. Ix-xeni tas-seance meta Rodney kien libes tal-fortune teller. Wisq kien żmien sabiħ. Esperjenza mill-isbaħ.

X’taħseb li nbidel dwar il-Milied minn tfulitek għal issa?

Sar iktar kummerċjali żgur. U naħseb qabel bħala ġabra ma konniex sempliċiment niltaqgħu jien, ommi u ħuti biss. Niftakar għand in-nanna bil-familja estiża: kuġini, zijiet, eċċ – il-familji kienu ikbar. Il-ħajja ma kenitx daqstant mgħaġġla. Kien iktar sinonimu mal-ġabra milli hu llum.



Il-kummiedja hija l-ġeneru favorit tiegħek. Għalfejn hu daqshekk għall-qalbek?

Naħseb li għax minni bħala persuna komika. Jiena persuna pjuttost privata imma għandi dik li jgħidulha ‘comic sleek’ – eżempju meta kont żgħira minn dejjem kont indaħħaq lil ħuti, kuġini, fil-klassi l-iskola. Imma meta kont żgħira ma kontx nagħmel id-distinzjoni bejn il-ħajja reali u l-kummiedja bħala arti. Kienet kemmxejn maskra għalija sakemm qed nikber. Il-kummiedja kien spazju sigur għalija. Maż-żmien żviluppat biex nużaha f’Deċeduti eżempju.

Ritratti:

Facebook / Manolita Ellul

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI