Il-Kunsill Lokali Ta’ Ħ’Attard B’Attività Li Se Tippromwovi L-Identità Ta’ Din Il-Lokalità

‘Iffjurit bil-Ward Infewwaħ’ hija attività kulturali li l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard se jkun qed jorganizza biswit il-knisja parrokkjali ta’ din il-lokalità. L-attività li se tittella’ nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju se tkompli tesponi s-sbuħija u t-talent ta’ din il-lokalità antika.

Id-dettalji dwar din l-attività tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku ta’ Ħ’Attard, Stefan Cordina. Intqal kif din l-attività qed tittella’ permezz ta’ fondi mill- Iskema għall-Attivitajiet Kulturali li kienet ġiet varata aktar kmieni din is-sena mid-Direttorat tal-Gvern Lokali. Permezz ta’ din l-iskema d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed jgħin finanzjarjament lill-kunsilli lokali sabiex itellgħu attivitajiet kulturali fil-lokalità rispettiva tagħhom.





 Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif din l-attività hi waħda minn diversi inizjattivi li qed isiru f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex, permezz ta’ fondi minn skemi maħruġa mid-Diviżjoni għall- Gvern Lokali. Hija spjegat kif dawn il-proġetti mhux biss qed jippromwovu l-identità kulturali u storika ta’ Ħ’Attard, iżda wkoll qed itejbu l-ħajja tal-komunitajiet tagħna.

“Permezz ta’ din l-iskema, u skemi simili, il-kunsilli lokali qed ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet marbuta mal- lokalità tagħhom. Attivitajiet li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, b’mod partikolari għall-komunità tal-kunsill rispettiv. Fl-aħħar snin bħala gvern dejjem sħaqna fuq il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna, u permezz ta’ dan il-fond qed naraw li verament intejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna, sew jekk hux b’attivitajiet kulturali, attivitajiet ta’ divertiment jew inkella proġetti oħra li jsebbħu u jħaddru l-lokalitajiet tagħna,” qalet is- Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-segretarju parlamentari qalet kif l-Iskema għall-Attivitajiet Kulturali tingħaqad ukoll ma’ skemi oħra maħruġa minn ministeri u awtoritajiet oħra sabiex il-kunsilli jkunu f’qagħda li jtellgħu attivitajiet kulturali ta’ kwalità u livell għoli.



Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħ’Attard, Stefan Cordina, qal kif din l-attività se tkun qed tittella’ nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju mill-16:30 ’il quddiem, u se tinkludi fost oħrajn diversi wirjiet marbuta ma’ Ħ’Attard, artiġjanat, arti kif ukoll sezzjoni dedikata għat-tfal. Huwa rringrazzja lis-segretarjat parlamentari li qed ikun ta’ spalla għall- kunsilli lokali sabiex jittellgħu dawn l-attivitajiet.

“F’din l-attività rajna li nkomplu nsaħħu l-identità ta’ din il- lokalità. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet irridu li kemm ir-residenti ta’ Ħ’Attard kif ukoll dawk li ta’ kuljum jgħaddu minn din il-lokalità jkollhom aktar għarfien dwar din il-lokalità antika u prestiġjuża,” temm jgħid is- sindku.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI