Il-Lejl Jixgħel: Kif U Għaliex Jifforma S-Sħab Noctilucent?

Maltese Islands Weather fuq il-mezzi soċjali tagħhom qasmu dettal dwar sħab li qed jidher madwar l-Ewropa. Huma jispjegaw, “Bħalissa qed jidher ħafna minn dan is-sħab madwar l-Ewropa. X’inhuma? Jissejħu Noctilucent clouds. Dan huwa sħab għoli ħafna li jidher fis-sema bil-lejl, ġeneralment f’iljieli ċari tas-sajf. Jidhru meta jfeġġu l-kwiekeb ftit wara nżul ix-xemx u ġeneralment ikunu blu.”

Huma jkomplu, “Iseħħu f’għoli ta’ 76 sa 85 kilometru, ogħla minn kwalunkwe sħaba oħra. Għandhom it-tendenza li jkunu ristretti għal-latitudnijiet bejn 45° u 80° fl-Emisferi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar. Il-Gżejjer Maltin jinsabu f’latitudni ta’ 35° / 36°. Bħall kull sħaba oħra, Noctilucent clouds jeħtieġu fwar tal-ilma, trab, u temperaturi baxxi ħafna biex jiffurmaw.”





Maltese Islands Weather jżidu, “Temperaturi baxxi huma garantiti f’dak l-għoli, iżda l-fwar tal-ilma u t-trab huma skarsi. It-trab li jifforma dawn is-sħab jista’ joriġina minn meteori żgħar li jinħarqu malli jidħlu fl-atmosfera. It-trab mill-vulkani jew it-tniġġis tal-arja magħmul mill-bniedem iżidu ma’ dawn.”

Ma’ dan jispjegaw, “Fl-aħħar deċennji, kien hemm żieda fil-frekwenza ta’ dan il-fenomenu f’latitudnijiet aktar baxxi. Dan il-fenomenu huwa maħsub li huwa parzjalment dovut għal żieda fil-konċentrazzjonijiet tal-metanu fl-atmosfera ta’ fuq, li twassal għal aktar formazzjoni ta’ fwar tal-ilma permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi.”

Huma jtemmu, “Din iż-żieda fil-fwar tal-ilma tipprovdi l-materjal meħtieġ għall-formazzjoni ta’ kristalli tas-silġ fil-livelli ta’ fejn iseħħ dan is-sħab. It-tibdil fil-klima jista’ wkoll ikollu rwol, u potenzjalment jikkawża bidliet fit-temperaturi atmosferiċi u fid-distribuzzjoni tal-fwar tal-ilma.”



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI