L-impatt tal-Maltempata Harry jkompli jiddomina fuq il-mezzi soċjali – b’mod speċjali b’ritratti tat-tħarbit u ħsara li kkawżat. Ritratti li ma rax kulħadd huma ta’ żona f’L-Għadira li ġiet żvelata.
Il-maltempata ma kkawżatx biss ħsarat. Ġarret ukoll saffi ta’ ramel u kixfet dak li jidher li huma l-fdalijiet ta’ struttura li ilha minsija u moħbija taħt il-bajja.
Ritratt maqsum fuq Facebook mill-utent Stefano De Rose, apparti li juri l-ħsarat u t-tħarbit ikkawżat fil-madwar, l-iktar li ġibdet l-attenzjoni kienu s-saffi ta’ ġebel, li jagħtu dehra ta’ ħajt jew mogħdija minn ġor-ramel.

Ritratt: Facebook/ Gabriel Micallef
Kien hemm spekulazzjonijiet li din l-istruttura tista’ tkun parti minn allinjament ta’ triq antika. Aktar tard, is-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef ikkummenta wkoll dwar is-sejba.
Jispjega li l-fdalijiet esposti jidhru li jaqblu ma’ allinjament ta’ triq preċedenti li jidher f’ritratti meħudin mill-ajru fit-18 ta’ Awwissu 1957 minn Fairey Air Surveys Ltd.
L-istess allinjament jissemma wkoll f’riċerka tal-Professur Kenneth Pye u fl-istħarriġ Survey of Malta – L-Għadira, Mellieħa Bay Area (1899–1907) li jinsab fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.
Stefano De Rose