Christine Haber, waħda mill-aktar personalitajiet maħbuba f’pajjiżna, laqgħetna għal intervista mill-qalb li fiha fetħet qalbha magħna dwar il-karriera tagħha, il-familja, il-Milied u x-xewqat tagħha għall-futur. Konversazzjoni ħelwa mmens li veru ħadna pjaċir biha, speċjalment f’dan iż-żmien tant għażiż tas-sena.
Minn età żgħira, Christine bdiet tirreċta u tul is-snin ħadmet f’diversi proġetti li ħallew marka f’ħajjitha. “Kull proġett li ipparteċipajt fih kellu sinifikat importanti f’ħajti,” tispjega. Madankollu, hemm karattri li jibqgħu ferm għal qalbha. Sarah kienet il-bidu ta’ kollox – il-karattru li fetaħlha l-bieb għal din id-dinja, karriera li hi qatt ma kienet tistenna li ssir aktar minn passatemp.”
Aktar ’il quddiem waslet Ellie f’KC, karattru li taha l-opportunità tesplora dimensjoni kompletament differenti, fejn minn tifla saret “boss”, anke fl-istil u l-ilbies. Imbagħad hemm Déjà Vu, proġett speċjali ħafna għaliha għax permezz tiegħu l-mamà tatilha ċ-ċans tidħol mhux biss fir-reċtar, iżda wkoll fil-produzzjoni u l-kitba tas-skript. “Meta tara ideat li qsamna flimkien jiffjorixxu u jintlaqgħu tajjeb mit-telespettaturi, is-sodisfazzjon ikun kbir immens,” tgħid Christine, filwaqt li tammetti li hu kważi impossibbli tagħżel bejn Sarah, Ellie u Beth, għax kollha għandhom parti minnha.
Meta tiġi biex titkellem dwar il-Milied, Christine tgħid li l-ikbar ħerqa tagħha hija li tkun mal-familja. Għalkemm jammetti li l-familja tagħha diġà jqattgħu ħafna ħin flimkien matul is-sena, dan iż-żmien xorta jibqa’ speċjali. Il-festini u l-laqgħat jagħtuha l-opportunità tiltaqa’ ma’ nies li forsi matul is-sena ma jkollhiex iċ-ċans tarahom. “’Il bogħod mill-materjaliżmu, il-Milied għalija huwa għaqda u paċi,” tgħid b’ċertezza.
Ma setax jonqos li nitkellmu wkoll dwar ir-relazzjoni speċjali li għandha mal-mamà tagħha, Eileen, waħda mill-aktar – jekk mhux l-aktar – nisa maħbuba f’Malta. Christine tgħid li tħossha kuntenta u kburija ferm bil-fatt li l-mamà hija l-personalità favorita ta’ tant nies. “Aħna li nkunu qrib tagħha nafu kemm taħdem u kemm verament tagħti importanza lil dak li tagħmel biex tferraħ lin-nies,” tispjega.
Tant hi kburija biha li kull fejn tmur tħobb tintroduċi lilha nnifisha bħala “Christine, it-tifla t’Eileen”. L-isbaħ memorji tagħhom flimkien huma dawk meta jivvjaġġaw u jattendu shows, mumenti fejn tara lill-mamà tagħha titbissem, tiżfen u tieħu gost – memorji li, skontha, ma jintesew qatt.
Dwar il-futur, Christine tammetti li għandha ħafna xewqat. Xi wħud minnhom, kif issejħilhom hi stess, huma “frivoli”, bħalma hu li xi darba tiltaqa’ ma’ xi Kardashian, jew li toħlom u twettaq proġett kompletament tagħha. Madankollu, tgħid li dawn il-ħolm iżżommhom f’moħħha biex tibqa’ motivata. Għall-bqija tal-ħolm fil-ħajja ta’ kuljum, hija tirringrazzja kontinwament lill-Bambin talli ħafna minnhom diġà saru realtà.
Bħala messaġġ għan-nies f’dan iż-żmien tal-festi, Christine tħeġġeġ lil kulħadd biex inħobbu lil xulxin mhux biss fil-Milied, imma tul is-sena kollha. “Se jkun hemm mumenti ta’ diżgwid u nuqqas ta’ qbil, iżda rridu nħarsu ’l hinn minnhom, noħorġu dak li għandna minn fuq l-istonku mingħajr ma nweġġgħu lil ħadd, u fl-istess ħin inħobbu lill-proxxmu tagħna,” ttemm tgħid.
Intervista li tfakkarna fis-sbuħija tal-familja, il-gratitudni u l-imħabba – valuri li jagħmlu l-Milied tassew speċjali.
Facebook / Christine Haber