Fil-programm investigattiv Popolin, it-tim iltaqa’ ma’ Omar – żagħżugħ li mhux biss jaħdem f’ħanut tal-Milied, iżda jgħixu, iħobbu u ma jgħaddix mingħajru. Fost il-bozoz, il-kuluri, u s-siġar armati b’passjoni u d-dekorazzjonijiet varjati, Omar jistqarr li dan il-post sar kważi t-tieni dar għalih.
Filwaqt li ħafna jaħsbu li min jaħdem f’dan ix-xogħol jagħmel xahrejn attivi biss, Omar jispjega li l-verità hi ferm differenti: il-preparazzjonijiet jibdew mis-sajf. “In-nies jaħsbu li naħdmu għall-Milied biss fix-xitwa, imma aqta’ kemm noħolqu, nippjanaw u narmu affarijiet qabel,” jgħid bi tbissima kbira.
Għalih, hemm ċerti affarijiet li qatt ma joħorġu mill-moda f’ dan l-istaġun: bħall-kulur aħmar klassiku kif ukoll dak dehbi eleganti. Għalkemm illum qed jikber ħafna l-istil minimalist, b’linji nodfa u dekorazzjonijiet aktar sempliċi, Omar jemmen li l-Milied m’għandu qatt jitlef dak l-element maġiku tradizzjonali.
Omar kompla jirrakkonta esperjenza ħelwa u ċajtiera li baqgħet f’ moħħu sal-lum. Darba mar jarma siġra għand klijent iżda meta wasal u fetaħ il-kaxxi, sab biss ġugarelli minflok id-dekorazzjonijiet mistennija tas-soltu. “Kienu ħelwin, iżda mhux eżatt dak li kont qed nistenna,” daħak Omar. Madankollu irnexxielu joħloq xi ħaġa differenti mill-ewwel u b’hekk is-siġra tal-Milied xorta waħda ħadet il-ħajja. “Talba stramba? Iva. Impossibli? Le!”
Għalkemm ix-xogħol tiegħu jieħu ħafna minn ħinu, Omar jgħid li l-Milied għalih ifisser familja. Meta jagħlaq il-bieb tal-ħanut u jibda jara d-dar tiegħu tingħata dik il-ħajja tal-Milied, iħoss il-mumenti sbieħ jiġu lura: it-tiżjin tal-armar mal-familjari tiegħu, il-ftuħ tar-rigali, il-laqgħat, u dik l-imħabba li n-nies jgħaddu lil xulxin f’dan l-istaġun.
“Il-Milied iġib ħafna xogħol u ħafna għejja iżda wkoll ħafna ferħ. Meta tara l-familja tieħu gost bid-dar armata, tgħid: iva, hawn il-Milied jibda għalija,” jgħid Omar b’għajnejh jixegħlu.
Facebook/ Poplin