Il-Musical Spettakolari Dear Evan Hansen Se Jittella’ Fit-Teatru Manoel Fi Frar B’Uħud Mill-Aqwa Talenti Lokali

Fi Frar, fuq il-palk tat-Teatru Manoel se jittella’ musical spettakolari ieħor b’rappreżentazzjoni li żgur se tkun divertenti għal kull tip ta’ udjenzi li se jattendu. Imtella’ b’ħidma konġunta bejn it-Teatru Manoel u l-FM Theatre Productions, Dear Evan Hansen se jittella’ fuq żewġ weekends bejn is-7 u s-16 ta’ Frar.

“Dan huwa spettaklu mexxej, umoristiku, relevanti u li jqanqal il-ħsieb u l-emozzjoni,” qalet id-Direttriċi Denise Mulholland. “Hija storja dwar il-ħajja u kif ngħixuha; storja dwar l-umani u l-umanità.” Staqsejna lil Mulholland dwar il-proċess tal-provi s’issa u l-ħidma mal-artisti li qed jieħdu sehem, “it-temi ta’ dan l-ispettaklu jeħtieġu lill-atturi jesploraw ċertu livell ta’ vulnerabbiltà, u b’xorti tajba, għandna grupp ta’ artisti li ġenwinament jappoġġjaw lil xulxin f’dan.





Bdejna naħdmu qabel il-Milied, iffukajna b’mod speċjali fuq il-mużika u l-bini tal-karattru. Issa qbadna ritmu mgħaġġel bi provi ta’ kuljum waqt li naħdmu iktar bir-reqqa fuq id-dettall u nkomplu nibnu l-istamina. Hemm taħlita mill-isbaħ ta’ artisti esperjenzati u oħrajn li huma pjuttost ġodda fix-xena lokali. Flimkien qed joħolqu xi ħaġa tassew eċċitanti!”

L-istorja ta’ Dear Evan Hansen tiffoka fuq temi bħal ma huma l-iżolazzjoni u l-pressjoni biex wieħed dejjem iħossu involut fis-soċjetà. Mulholland qalet li “Wieħed mill-karattri prinċipali fil-musical huwa l-mezzi soċjali, f’kull forma tagħhom. F’ħafna mid-drabi, dan il-mostru b’diversi rjus jista’ jkun pożittiv u ta’ appoġġ imma jista’ jkun ukoll ħarex u aggressiv. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, id-dinja tagħna dejjem qed tkun iktar online u din il-produzzjoni tesplora l-impatt li tista’ tħalli r-realtà virtwali.”

Matthew Cassar se jkun qed juri dan kollu wkoll fid-disinn tas-sett. Hu jispjega li “billi qed jintużaw sfond bl-iscreens, konna kapaċi niksbu għanijiet differenti – li nuru l-preżenza tal-mezzi soċjali f’ħajjitna waqt li naqilbu minn post għall-ieħor fi ftit sekondi.” Cassar ħass li “huwa kruċjali wkoll li nonoraw is-sett oriġinali, biex dawk li ilhom isegwu dan il-musical ikollhom xi ħaġa familjari” waqt li simultanjament jinkorpora l-istil uniku tiegħu biex b’hekk jikseb perspettiva friska f’din il-produzzjoni.



Dan il-musical beda fi Broadway f’Diċembru tal-2016 u malajr għamel suċċess kbir u rċieva tifħir kbir, b’mod speċjali bid-diski ‘Waving Through a Window’, ‘Sincerely, Me’ u ‘You Will Be Found’. Kris Spiteri, id-direttur tal-musical, qal “il-provi ta’ Dear Evan Hansen s’issa kienu intensi imma wkoll ta’ sodisfazzjon, hekk kif din ir-rappreżentazzjoni tirrikjedi ħafna minn kull min hu involut, inkluż il-mużiċisti.

Kull artist jiffaċċja għadd ta’ sfidi vokali sinifikanti li jmorru lil hinn minn sempliċiment akrobaziji vokali; il-mużika, b’għeruq ta’ pop/rock tirrikjedi reqqa għal kull dettall u mużikalità,” spjega Spiteri. “Ġenwinament nemmen li dan huwa kapolavur tal-ġenerazzjoni tiegħu, kemm fit-tema u anke mużikalment”, kompla “il-produzzjoni taħkem fiha bilanċ notevoli ta’ sempliċità u kumplessità. U għalkemm għandi d-diski li nippreferi, il-maġija veru sseħħ meta kull diska titqiegħed fi ħdan in-narrattiva – is-sinifikat tagħhom isir iktar profond meta jitwaħħad mal-istorja.

Apparti minn hekk, għandna l-privileġġ li qed naħdmu ma’ wieħed mill-aqwa persuni fejn jidħlu l-arranġamenti tal-mużika, rebbieħ ta’ unuri f’dan il-qasam, Alex Lacamoire, li x-xogħlijiet tiegħu fi musicals oħrajn bħal Hamilton u In the Heights għollew il-livell għal wieħed ta’ kalibru għoli.”

F’din il-produzzjoni ta’ FM Theatre Productions u t-Teatru Manoel, l-irwol ta’ Evan Hansen se jkun f’idejn Kyle Mangani u Luigi Buhagiar b’mod alternattiv. Kristen Abela u Charlotte Formosa se jkunu qed jalternaw fl-irwol ta’ Zoe Murphy. Għadd ta’ talent lokali jingħaqad ma’ dawn fuq il-palk tal-Manoel, fosthom Dorothy Bezzina, Nadine Farrugia, Raphael Pace, Thomas Camilleri, Jamie Cardona u Carla Fenech.

Dear Evan Hansen se tittella’ taħt id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland, u Kris Spiteri bħala l-Musical Director tal-ispettaklu, id-disinn tas-sett se jkun f’idejn Matthew Cassar u l-vidjografija ta’ Dylan Odom.

Ir-rappreżentazzjonijiet se jittellgħu mis-7 sad-9 ta’ Frar u mit-13 sas-16 ta’ Frar fis-7:30pm, flimkien ma’ matinee l-Ħadd 16 ta’ Frar fit-3pm. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn  https://teatrumanoel.mt/event/dear-evan-hansen/ jew billi tikkuntattja lil Box Office tat-Teatru Manoel fuq (+356) 2124 6389.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI