It-trasformazzjoni taċ-ċentru ta’ San Ġwann, b’ġonna u żoni ta’ rikreazzjoni jieħdu post triq arterjali traffikuża, se tagħti ħajja ġdida lill-ħajja ta’ kuljum ta’ madwar 6,000 familja f’din il-lokalità.
Project Green ippreżentat l-pjanijiet tal-proġett propost wara xhur ta’ impenn komunitarju, b’attivitajiet ta’ konsultazzjoni li jinvolvu tfal, residenti, anzjani, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, organizzazzjonijiet lokali, u negozji fiż-żona, fost partijiet interessati oħra.
B’din it-trasformazzjoni estensiva, Project Green qed tipproponi li Vjal ir-Rihan, triq arterjali f’San Ġwann u parkeġġ tal-karozzi biswit din it-triq, tinbidel fi spazju miftuħ ta’ 7,200 metru kwadru għall-komunità. Dan il-proġett se jikkonsisti wkoll fi ġnien akwatiku, bandli, teatru miftuħ, żona komunitarja, u żoni rikreattivi oħra, imdawrin b’aktar minn 350 siġra ġdida addizzjonali.