Il-President Tal-Korea T’Isfel Jissuġġerixxi Li T-Trattament Kontra T-Telf Tax-Xagħar Għandu Jidħol Taħt L-Assigurazzjoni Tas-Saħħa Nazzjonali

Il-President tal-Korea t’Isfel, Lee Jae Myung, fetaħ dibattitu ġdid fil-pajjiż wara li qal li t-trattament kontra t-telf tax-xagħar għandu jiġi kkunsidrat biex jidħol taħt il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali.

F’dikjarazzjonijiet riċenti, Lee sostna li għal xi żgħażagħ, speċjalment f’soċjetà kompetittiva u sensittiva ħafna għall-immaġni bħal dik tal-Korea t’Isfel, it-tnaqqis jew it-telf tax-xagħar mhux biss hu kwistjoni estetika, iżda ta’ stil ta’ ħajja. Skontu, l-impatt psikoloġiku u soċjali jista’ jkun qawwi, u għalhekk jistħoqqlu attenzjoni akbar mill-istat.

Il-proposta, madankollu, diġà qed tqajjem kontroversja. Hemm min qed jappoġġja l-idea, billi jsostni li s-saħħa mentali u l-benesseri personali għandhom ikunu parti integrali mis-sistema tas-saħħa pubblika. Dawn jgħidu li jekk trattamenti oħra relatati mas-saħħa mentali jew kundizzjonijiet kroniċi huma koperti, allura wkoll dan it-tip ta’ trattament għandu jiġi kkunsidrat.

Min-naħa l-oħra, kritiċi qed jistaqsu jekk huwiex ġust li fondi pubbliċi jintefqu fuq trattamenti li ħafna jqisuhom kożmetiċi. Skont dawn, ir-riżorsi tal-istat għandhom jibqgħu ffokati fuq mard serju u trattamenti essenzjali, speċjalment f’perjodu fejn is-sistemi tas-saħħa qed jiffaċċjaw pressjonijiet finanzjarji dejjem akbar.

Għalkemm s’issa ma tħabbritx deċiżjoni finali, id-diskussjoni qed tkompli tikber kemm fil-media kif ukoll fuq il-midja soċjali, u mistennija twassal għal dibattitu usa’ dwar x’inhu meqjus bħala “saħħa essenzjali” fis-soċjetà moderna.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI