Clifford Galea qasam riflessjoni sinċiera dwar is-saħħa mentali wara li, skont hu, f’dawn l-aħħar xahrejn seħħew sitt suwiċidji f’Malta. F’messaġġ twil fuq il-midja soċjali, Galea qal li lil hinn mill-kawżi li diġà ssemmew minn oħrajn, jemmen li wieħed għandu jistaqsi wkoll jekk bħala soċjetà għandniex biżżejjed għodod biex ngħixu b’mod b’saħħtu fid-dinja tal-lum.
Clifford irrakkonta kif l-esperjenza tiegħu mal-OASI Foundation tatu perspettiva differenti fuq il-ħajja, iżda ammetta li lanqas għalih mhux dejjem faċli japplika dak li tgħallem u "jgħix kontra l-kurrent." Huwa spjega li ċ-ċokon ta’ Malta kultant iżid il-pressjonijiet soċjali, fosthom il-paraguni kontinwi, is-sensazzjoni li wieħed mhux biżżejjed, il-biża’ li jweġġa’ lil ħaddieħor billi jistabbilixxi limiti, kif ukoll il-ħtieġa li dejjem jidher disponibbli jew preżenti.
Fost il-punti li semma, Galea saħaq fuq l-importanza li wieħed:
- ma jqabbilx lilu nnifsu kontinwament ma’ oħrajn;
- jitgħallem jgħix il-mument;
- jevita li joħloq pressjoni żejda fuqu nnifsu;
- jieħu pawża mill-kontenut negattiv fuq il-midja soċjali;
- jistrieħ mingħajr sens ta’ ħtija;
- u jagħmel dak li hu tajjeb għalih, anke jekk dan ma jogħġobx lil kulħadd.
Huwa fakkar ukoll li l-istress, id-dwejjaq u n-nervi ħafna drabi ma jinħolqux f’daqqa, iżda "bil-qatra l-qatra", hekk kif l-akkumulazzjoni ta’ pressjonijiet żgħar tista’ twassal għal piż emozzjonali kbir.
B’referenza għall-midja soċjali, Clifford osserva kif kultant din toħloq aspettattivi kontinwi li wieħed dejjem ikun disponibbli, u saħansitra semma eżempju personali ta’ meta kien imsiefer u xorta waħda rċieva telefonati u messaġġi mingħand persuni li kienu jafu li ma kienx Malta.
Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Galea appella biex kulħadd jagħti prijorità wkoll lill-benesseri tiegħu stess.
"Aħna stess irridu nkunu hemm għalina nfusna. Anke jekk nidhru koroh. Anke jekk kulħadd jagħmel mod ieħor. Anke jekk għandek commitment, għax int għandek dritt tgħix ukoll," kiteb, filwaqt li fakkar li "ż-żmien għaddej u ħajja waħda se jkollna," u temm il-messaġġ tiegħu b’kelma waħda: "Tgħannieqa."
Jekk int jew xi ħadd li taf qed jesperjenza diffikultajiet ta’ saħħa mentali jew ħsibijiet ta’ suwiċidju, fittex l-għajnuna. Tkellem ma’ persuna ta’ fiduċja jew ikkuntattja professjonist tas-saħħa mentali jew is-servizzi ta’ emerġenza. M’intix waħdek.
Facebook / Clifford Galea