Il-Prinċipessa Beatrice tkellmet b’mod tassew b’saħħtu sabiex timla bil-kuraġġ lil dawk kollha li jkunu rċevew l-aħbar li għandhom ”id-don” tad-dislessija, magħrufa aktar bit-terminu Ingliż, Dyslexia. Apparti hekk stqarret li hija wkoll ilha taf li għandha d-dislessija minn mindu kellha 7 snin u tixtieq li uliedha wkoll ikollhom dan id-don speċjali, fi kliemha ”gift”.
Tgħid li qatt ma ħassitha inqas minn ħaddieħor u għamlet dan billi ffukat l-enerġija kollha tagħha fuq dak li kapaċi tagħmel u mhux fuq dak li ssib diffiċli mmens biex twettaq.
Il-Prinċipessa Beatrice tifforma parti mill-familja Rjali Ingliża. Hija bint il-Prinċep Andrew id-Duka ta’ York u kuġina tal-Prinċpijiet William u Harry. Il-Prinċipessa Beatrice tinsab fid-9 post biċ-ċans għat-tron tar-Renju Unit.
F’intervista li tat lill-Hello!, il-Prinċipessa tgħid li grazzi għad-dislessija rnexxielha tiżviluppa mod kif taħseb, sabiex dejjem ikollha soluzzjoni għal kull problema li taffaċċja. Hija tiddeskrivi dan il-proċess bħala ”think in a circle”.
Il-Prinċipessa Beatrice, li hija tqila bl-ewwel wild tagħha, titkellem b’mod pożittiv ferm dwar il-possibilta’ li anke wliedha jkollhom id-dislessija. Saħansitra waslet biex tgħid li tixtieq li jkollhom dan ”id-don”. Ir-raġel tagħha u missier it-tarbija wkoll għandu d-dislessija.
Id-dislessija hija meqjusa bħala diffikulta’ fit-tagħlim li taffettwa l-aktar il-qari u l-kitba. Id-direttorati tal-edukazzjoni f’pajjiżna waqqfu sezzjoni apposta biex tindirizza tfal u studenti li jkollhom id-dislessija. Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni permezz ta’ din il-paġna uffiċċjali tal-SpLD – The SpLD Service.
F’pajjiżna nsibu assoċċjazzjoni mwaqqfa biex tgħin lil dawk kollha li jeħtieġu aktar għarfien dwar id-dislessija. Dawk kollha li jixtiequ jissieħbu f’din l-għaqda jew jipparteċipaw fl-attivitajiet li jittellgħu minn żmien għal żmien jistgħu jidħlu fil-paġna ta’ facebook – Malta Dyslexia Association.
Facebook / Abby Grace