Post emozzjonanti mill-attivista lokali Althea Galea qajjem diskussjoni importanti dwar kif ħafna drabi n-nies jinterpretaw u jiġġudikaw klieb tal-hekk imsejħa bully breeds. Permezz ta’ kliem sempliċi iżda qawwi, Galea fakkret lil ħafna li wara r-reputazzjoni li dawn il-klieb għandhom, ħafna drabi hemm storja ta’ tbatija kkawżata mill-bniedem stess.
Fil-kitba tagħha, Galea tirreferi għal kelba jisimha Valerie u tispjega li meta tħares lejha ma tarax problema, iżda kelba li għaddiet minn ħafna minħabba l-azzjonijiet tal-bnedmin. Skont hi, bħalma ġara lil Valerie, hemm ħafna klieb oħra tal-istess razez li jġorru magħhom il-piż tal-biża’.
“Meta nħares lejk, ma narax problema. Nara kelba li għaddiet minn ħafna minħabba l-bnedmin,” kitbet Galea fil-post tagħha, fejn enfasizzat kif dawn il-klieb ħafna drabi jiġu ġġudikati qabel ma jingħataw ċans.
Hi kompliet tispjega li ħafna drabi l-klieb li n-nies iqisuhom bħala perikolużi huma fil-verità fost l-akbar vittmi tal-azzjonijiet tal-bnedmin. Skont Galea, dawn il-klieb spiss jispiċċaw vittmi ta’ abbuż, traskuraġni jew taħriġ ħażin, fatturi li mbagħad iwasslu biex jiġi ffurmat stigma fuq ir-razza kollha.
L-attivista appellat ukoll biex is-soċjetà tibda tħares lejn dawn il-klieb b’għajnejn differenti u tagħtihom iċ-ċans li jixirqilhom. “Forsi wasal iż-żmien li nieqfu nsejħulhom ‘underdogs’ u nibdew nagħtuhom iċ-ċans li dejjem kien jistħoqqilhom,” qalet.
Il-messaġġ tagħha jispiċċa b’riflessjoni qawwija, il-problema qatt ma kienet il-kelb innifsu, iżda l-mod kif il-bnedmin jittrattawh.
Il-post ta’ Galea huwa tfakkira li ħafna mill-imġiba tal-annimali hija riflessjoni diretta tal-mod kif jiġu trattati. Għalhekk, skont hi, aktar milli nkomplu nikkritikaw jew nibżgħu minn ċerti razez, hemm bżonn li niffokaw fuq aktar edukazzjoni, responsabbiltà u empatija lejn l-annimali kollha.
Araw il-filmat HAWN.
Facebook / Althea Galea