Il-Malta Police Force xerrdu mument sabiħ fuq il-paġna uffiċjali fejn stqarru li ftit ilu rċivew messaġġ ta’ ringrazzjament mingħand membru tal-pubbliku, talli għenu biex isalvaw qattusa li kienet maqbudha f’sit ta’ kostruzzjoni.
Skont messaġġ li nqasam mill-pubbliku, il-qattusa bl-isem ta’ Minnie sabet ruħha f’diffikultà u ma setgħetx toħroġ waħedha. Malli ġew infurmati, il-pulizija aġixxew malajr u waslu fuq il-post biex jintervjenu.
B’attenzjoni u dedikazzjoni, irnexxielhom isalvaw lil Minnie mingħajr ma ġarrbet ħsara u ftit tal-ħin wara reġgħet ingħaqdet ma’ sidha li bla dubju kien mument mimli ferħ u serħan il-moħħ.
Il-Forza tal-Pulizija qalet li dawn huma l-mumenti li juru x-xogħol veru tagħhom ta’ kuljum – fakkru li mhumiex qegħdin hemm biss biex jinfurzaw il-liġi, iżda wkoll biex jgħinu u jappoġġjaw lill-komunità. Bla dubju din hija storja li tfakkarna li kultant anke l-iżgħar ġest żgħir jista’ jfisser kollox.
Facebook/ The Malta Police Force