Il-Pulizija Ta’ Malta Tilqa’ Lill-Ambaxxatriċi Amerikana Somers Farkas Fi Żjara Uffiċjali

Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta kellu l-unur jilqa’ lill-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta, Somers Farkas, waqt żjara uffiċjali fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Matul iż-żjara, l-Ambaxxatriċi Farkas intlaqgħet mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, flimkien ma’ uffiċjali anzjani tal-korp. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-trasformazzjoni kontinwa tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Malta Police Corporate Strategy 2025–2030, li għandha bħala viżjoni komunitajiet aktar sikuri u sistema ta’ pulizija aktar moderna u effiċjenti.



Fost is-suġġetti ewlenin li ġew diskussi kien hemm il-ġlieda kontra theddid emerġenti, fosthom il-kriminalità ċibernetika u l-kriminalità finanzjarja. Sar ukoll diskors dwar kif tista’ tissaħħaħ il-konnessjoni bejn il-pulizija u l-komunità, kif ukoll dwar inizjattivi relatati mas-sigurtà fit-toroq u l-preżenza tal-pulizija fil-lokalitajiet. Tema oħra importanti li ġiet diskussa kienet il-ħidma kontra l-kriminalità serja u organizzata, inkluż it-traffikar tad-droga u t-traffikar ta’ persuni.



Il-Kummissarju Angelo Gafà rringrazzja lill-Ambaxxatriċi Farkas għall-appoġġ u l-kooperazzjoni kontinwa mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti, u sostna li din iż-żjara kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni u r-rabta li ilha teżisti bejn il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-Istati Uniti.



Ritratti:

Facebook/ The Malta Police Force

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI