Fil-qalba tal-Birgu, insibu tradizzjoni li tmur lura sekli sħaħ, il-purċissjoni tal-Misteri, li skont l-istorja, kienet diġà ssir qabel l-1759. Jingħad li kienu l-baħħara tal-Birgu li, wara li raw u tħassru quddiem il-purċissjonijiet li raw fi Spanja u fi Sqallija, ħadmu bla heda biex iġibu din id-devozzjoni wkoll f’pajjiżna.

Huma stess bnew il-vari tal-Passjoni, imfassla fuq stil Spanjol, manikini mlibbsin bi drappijiet sinjuri u dettaljati li jġibu magħhom sens qawwi ta’ realiżmu u devozzjoni. Għalkemm għal xi żmien din it-tradizzjoni kienet waqfet, fl-2019 reġgħet ħadet il-ħajja grazzi għall-inizjattiva tal-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira fil-Birgu, li reġgħet daħħlet dawn il-purċissjonijiet fil-kalendarju reliġjuż tal-lokalità.
Tul ir-Randan Imqaddes, kull nhar ta’ Ġimgħa tiġi organizzata purċissjoni bl-istatwi tal-Passjoni ta’ Kristu. Din toħroġ mill-Oratorju tal-Fratellanza tal-Kurċifiss, tinżel tul ix-xatt pittoresk tal-Birgu u tidħol fil-knisja, fost atmosfera ta’ ġabra u silenzju.

Fil-bidu tal-purċissjoni jimxi l-istandard tal-Fratellanza tal-Kurċifiss – ta’ lewn vjola, b’salib tal-Via Sagra fin-nofs tiegħu flimkien mal-lanza u l-isponża. Warajh jimxi s-salib tal-injam tal-Via Sagra akkumpanjat minn żewġ lanterni. Imbagħad jimxu, par par, il-konsorelli u l-fratelli tal-Fratellanza.
Il-konsorelli jilbsu kunfratija bajda, muzzetta vjola u velu iswed, filwaqt li l-fratelli jilbsu kunfratija vjola bl-arma tal-Fratellanza meħjuta fuq ix-xellug u marbuta b’kurdun vjola. Huma ma jilbsux muzzetta, iżda barnuża vjola. Warajhom jimxu l-Arċipriet, il-Kapitlu u l-Kleru tal-Kolleġġjata, u fl-aħħar nett il-vara.

Kull ġimgħa tar-Randan għandha t-tifsira tagħha:
- L-ewwel ġimgħa: il-vara ta’ Kristu fl-Ort tal-Ġetsemani
- It-tieni ġimgħa: Kristu marbut mal-Kolonna
- It-tielet ġimgħa: l-istatwa tal-Porpra
- Ir-raba’ ġimgħa: pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur
- Il-ħames ġimgħa: il-Vara l-Kbira
Għalhekk, il-Ġimgħa 20 ta’ Frar fis-17:45, tibda purċissjoni mill-Oratorju tal-Kurċifiss sal-Parroċċa bl-istatwa ta’ Kristu fl-Ort tal-Ġetsemani, segwita mill-quddiesa.
Flimkien ma’ dawn il-purċissjonijiet tal-Misteri, il-Birgu jospita wkoll purċissjonijiet oħra importanti bħall-Ġimgħa l-Kbira, Ras ir-Randan, ir-Redentur u d-Duluri – kollha jattiraw folla kbira ta’ nies minn Malta u Għawdex.

Dorielle Fenech, li tkellmet ma’ Gwida dwar din l-esperjenza, qaltilna, “Jien nakkumpanja bħala konsorella mal-Fratellanza tal-Kurċifiss, l-ewwel u l-unika konsorella li hawn fil-Birgu. Konsorella hi bħal fratell imma tilbes velu. Il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Birgu ma nibdilhom ma xejn.”
Hi żżid, “Is-solennita’, devozzjoni u spettaklu li joffru dawn il-festi, jiġu segwiti mill-poplu Malti u Għawdxi kollu u għalhekk huwa l-ors tiegħi li bħala konsorella, nieħu sehem kemm jista’ jkun f’dawn il-purċissjonijiet u pelligrinaggi kollha. Inħeġġeġ lil nisa oħra bħali, jidħlu f’xi fratellanza jew oħra u jipparteċipaw ukoll.”
DV Photography