Il-vaċċin ta’ Oxford huwa sa 90% effettiv fil-prevenzjoni tal-Covid-19, skont testijiet fuq eluf ta’ voluntiera. Ir-riżultat jitqabbel mal-vaċċini Pfizer u Moderna, li dan l-aħħar intwerew li huma 95% u 94.5% effettivi rispettivament.
It-tilqima, bl-isem ta’ kodiċi AZD1222, ġiet żviluppata fl-Università ta’ Oxford b’appoġġ mill-ġgant farmaċewtiku AstraZeneca. Għal kors wieħed ta’ dożaġġ – fejn in-nies ingħataw nofs doża ta’ AZD1222, segwita b’miżura sħiħa mill-inqas xahar wara – kien hemm rata ta’ effikaċja ta’ 90%.
Is-Segretarju tas-Saħħa Matt Hancock qal: “Din hija aħbar verament inkoraġġanti tal-vaċċin Oxford-AstraZeneca li ovvjament ilna nappoġġjaw sa mill-bidu. Jien tassew kuntent ħafna, verament nilqa’ dawn iċ-ċifri – din l-informazzjoni turi li l-vaċċin f’doża tajba jista’ jkun sa 90% effettiv.”
Il-Prim Ministru Boris Johnson ħalla tweet fejn qal: “Aħbarijiet inkredibilment eċċitanti li l-vaċċin ta’ Oxford wera li huwa effettiv fil-provi. Għad hemm aktar kontrolli ta’ sigurtà quddiemna, iżda dawn huma riżultati meraviljużi.”