Bejn il-4 u s-6 ta’ Lulju, il-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta se tinbidel f’ċentru vibranti ta’ togħmiet, aromi u mużika, hekk kif jilqa’ l-akbar edizzjoni tal-Valletta Local Food Festival li qatt saret. Il-festival, li se jsir kull filgħaxija bejn is-19:00 sa 00:00, huwa frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Malta Food Agency u l-Valletta Cultural Agency, li qed jgħaqqdu l-forzi tagħhom biex jippromwovu l-wirt kulinarju Malti b’mod kreattiv u awtentiku.

Aktar minn 25 produttur u kok lokali se jipparteċipaw fil-festival, b’offerta wiesgħa ta’ delikatezzi li jvarjaw minn prodotti tradizzjonali bħal ġbejniet friski u moqlija, bigilla, kirxa u bebbux, għal ħlewwiet magħmulin mill-irkotta tan-nagħaġ, imqaret u tamal. Ma jonqsux lanqas il-ħobż biż-żejt, għasel, ġammijiet, chutneys, galletti, melħ imħawwar u ħut mielaħ ippreservat fi fliexken tal-ħġieġ. Dan kollu f’ambjent fejn il-freskezza, l-oriġini lokali u t-tradizzjoni jiġu fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
Il-festival se jinkludi wkoll dimostrazzjonijiet live tat-tisjir minn kokijiet professjonali, kif ukoll mużika live u attivitajiet ta’ divertiment għal kull età, f’atmosfera li tgħaqqad kultura, storja u gastronomija fi spazju ikoniku fil-qalba tal-Belt Valletta.

Brian Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, iddeskriva dan il-festival bħala opportunità unika biex “ngħaqqdu l-komunità, iċ-ċelebrazzjoni kulturali u l-identità nazzjonali tagħna, “L-ikel Malti huwa ħafna iktar minn dak li npoġġu fuq il-platt; huwa storja, huwa memorja, huwa tradizzjoni li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra. Huwa mnaqqax fil-ġrajja tagħna bħala poplu u għandna d-dmir li nkomplu nżommuh ħaj.”
Jason Micallef, Chairman tal-Valletta Cultural Agency, enfasizza l-valur ta’ dan l-avveniment bħala ċelebrazzjoni tal-identità kulturali Maltija, “Il-kultura kulinari ta’ kull poplu, tagħtih identità. F’dan l-isfond din is-sena se nkunu qed norganizzaw l-akbar edizzjoni tal-Valletta Local Food Festival li qatt għamilna. Kien għalhekk li abbażi tal-esperjenzi li kellna fl-aħħar tliet snin, din is-sena ngħaqadna f’kollaborazzjoni mal-Malta Food Agency fejn flimkien magħhom bnejna u produċejna wieħed mill-isbaħ Valletta Local Food Festivals.”

Jason ikompli jispjega, “Kien għalhekk ukoll illi għażilna li nagħmluh fil-Barrakka ta’ Fuq. Hemmhekk se jkollna esebizzjonijiet u ċelebrazzjoni kbira tal-prodott lokali kollu. Wieħed mill-iżjed aspetti ewlenin tal-Valletta Local Food Festival huwa li kull prodott jibda u jispiċċa minn Malta. Dan fil-fatt huwa l-aktar festival tal-ikel awtentiku f’pajjiżna. Għalhekk bi pjaċir u b’sodisfazzjon kbir nilqa’ lill-pubbliku għal ċelebrazzjoni mill-isbaħ tal-prodott Malti u flimkien inkomplu nimbuttaw ’il quddiem l-importanza li nixtru u nieklu l-prodott lokali.”
Dħul bla ħlas, u l-ikel u x-xorb ikunu disponibbli biex jinxtraw direttament mill-istands tal-parteċipanti. Il-Valletta Local Food Festival huwa stedina miftuħa għal kulħadd, familji, turisti u dilettanti tal-ikel. Esperjenzaw it-togħma ġenwina ta’ Malta taħt sema miftuħ, u skopru mill-ġdid il-passjoni wara kull riċetta li tagħmel il-kċina tagħna waħda speċjali.