“Il-Vjaġġ Ma Kienx Faċli, Iżda Kien Jiswa Kull Sagrifiċċju” – Aaron Fenech Jiggradwa B’mba U Jingħata L-Ogħla Unur Akkademiku

L-attur Malti Aaron Fenech iċċelebra kisba importanti fil-karriera akkademika tiegħu hekk kif iggradwa b’Master of Business Administration (MBA) mill-American University of Malta. Barra minn hekk, Aaron ingħata d-distinzjoni ta’ Valedictorian with Highest Honours, unur li ngħata lill-istudent bl-aqwa prestazzjoni akkademika, u kellu wkoll l-opportunità li jagħti d-diskors f’isem il-gradwati kollha waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni.

"Ilbieraħ kienet tassew waħda mill-aktar mumenti ta’ kburija u emozzjoni f’ħajti," kiteb Aaron fuq il-midja soċjali. Huwa stqarr li l-vjaġġ ma kienx wieħed faċli, hekk kif kien jeħtieġ ħafna sagrifiċċji, dixxiplina, iljieli twal ta’ studju u paċenzja. Aaron irringrazzja b’mod partikolari lis-sieħba tiegħu, Sindel, għall-appoġġ kontinwu tagħha. "Grazzi tal-appoġġ bla waqfien tiegħek, talli emmint fija u kont dejjem miegħi matul dan il-vjaġġ. Din il-kisba hija tiegħek daqskemm hija tiegħi."

Huwa rringrazzja wkoll lill-familja, lill-ħbieb, lill-kollegi u lil kull min kien ta’ sapport tul il-vjaġġ tiegħu, kif ukoll lill-amministrazzjoni, lill-professuri, lill-istaff u lill-istudenti tal-American University of Malta. Aaron sellem ukoll lill-gradwati sħabu, filwaqt li qal li lkoll flimkien qasmu esperjenza mimlija sfidi iżda wkoll sodisfazzjon.

Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Aaron qal li għalkemm dan il-kapitlu issa ngħalaq, il-valuri, l-għarfien, il-ħbiberiji u l-memorji li kiseb matulu se jibqgħu miegħu għal dejjem. "Jiena grat, umli u eċitat għal dak li għad irid jiġi," temm jgħid.

Ritratti:

Facebook / Aaron Fenech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI