Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, Archidiocese of Malta qasmu mas-segwaċi tagħhom kelmtejn rigward pellegrinaġġ penitenzjali fuq xewqa tal-Papa Franċisku.
Huma qalu, “Ilbieraħ filgħaxija sar pellegrinaġġ penitenzjali fuq ix-xewqa tal-Papa Franġisku, bħala sinjal tar-rieda li nilqgħu l-ħniena t’Alla fil-bidu tar-Randan. Il-mixja bdiet mill-Knisja tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi u ntemmet b’quddiesa mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina fiż-Żurrieq.”
Żiedu, “Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof enfasizza li f’dan ir-Randan għandna nħarsu lejnna nfusna, lejn il-proxxmu, u lejn Alla, u nikbru fl-imħabba. Semma wkoll li għandna noqogħdu attenti kif nitkellmu u niktbu fuq xulxin, anke fuq il-media soċjali: “Jekk inti m’għidtx kelma iebsa fuq xi ħadd, imma għamiltilha like, xorta qed tapprova – dik ukoll parti mill-imħabba tiegħi għall-proxxmu. Kif nitkellem fuq il-proxxmu? Il-frott ta’ dak li ngħid, ta’ dak li nagħmel, se jġib il-paċi jew l-inkwiet?”