Fuq il-paġna tiegħu, Mark Lombardo sellem il-memorja tal-għażiża Tereza.
Hu kiteb, “Ilbieraħ filgħodu waslitli l-aħbar, li Tereza, kif kulħadd kien jafha, għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem, fl-eta sabiħa ta’ 90 sena. Tereza kienet għal snin twal tgħix fid-dar tagħha flimkien mal-familja tagħha fi Triq San Pietru, fejn kellha wkoll ħanut żgħir tal-merċa, jew tal-grocer. Kienet mara b’qalb tad-deheb, lesta dejjem biex tgħin lil kulħadd. Min jaf kemm-il darba fi tfuliti, kont immur nixtri mill-ħanut żgħir tagħha. Tereza, bil-ġentilezza tagħha, kienet dejjem lesta biex taqdi bl-aħjar mod u kienet maħbuba minn kulħadd.”
Żied jgħid, “Tereza kienet ukoll tagħti sehemha fil-parroċċa, u ftit snin ilu kienet saħansitra ingħatat Ġieħ il-Parroċċa. Pero’ l-aktar ħaġa importanti huma l-valuri li kienet tħaddan Tereza, li rabbiet familja sabiħa b’ħafna mħabba u għożża kbira.”
Temm kliemu billi qal, “Ċertament Tereza issa qiegħda tgawdi dak li ħadmet għalih u diġa iltaqgħet ma’ żewġha Salvu, u qrabha oħra tagħha, li ħallewna numru ta’ snin ilu. Nagħti il-kondoljanzi lil uliedha, Paul, Miriam, Patrick u Louis u l-familji tagħhom. L-aħħar tislima lil Tereza se tingħata nhar it-Tnejn fil-Parroċċa tal-Fgura fit-8.30am.”
Facebook / Mark Lombardo