Illum huwa l-Jum Dinji tat-Tbissima, li l-għan tagħha hu li f’din il-ġurnata wieħed jipprova jbissem jew idaħħak lil ta’ madwaru. Dan ħabat tajjeb għall-Maltin, għax illejla se nibdew il-weekend bit-tajjeb, b’żewġ programmi tajbin, mimlijin daħk, gost u divertiment.
Filwaqt li llejla se jibda l-programm ġdid Serataron fuq TVM fid-20:50pm, se tibda wkoll sensiela ġdida ta’ Min Imissu?! fuq ONE fit-20:30pm. Naturalment, għalkemm huma żewġ programmi differenti, jiġu kompetituri ta’ xulxin peress li jixxandru fl-istess jum tal-ġimgħa u fl-istess ħin.
Hekk kif qal tajjeb Ronald Briffa f’filmat li ppubblikajna aktar kmieni llum, nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija tajjeb li nibdew il-weekend tagħna b’mod “ħafif”, u fejn kulħadd ikun jista’ jieħu gost u jiddeverti. U għalhekk dawn iż-żewġ programmi maħsubin li jbissmu u jġibu daħka fuq fomm dawk kollha li jsegwuhom fil-Jum Dinji Tat-Tbissima.
Allura se tibda l-weekend bit-tajjeb illejla? U liem programm se tara? Iktbilna fil-kummenti!