F’messaġġ mimli mħabba u kburija, il-Viċi Sindku ta’ Birżebbuġa Josette Busuttil iddedikat kliem mill-aktar emozzjonanti lil bintha wara li din kisbet suċċess akkademiku eċċezzjonali fl-Università ta’ Malta.
Bintha, li għadha fil-bidu tal-karriera tagħha, ggradwat b’Masters in European Politics, Economics, and Law u kisbet l-ogħla marka ġenerali fost il-gradwati kollha, unur li jimmarka mhux biss eċċellenza akkademika, iżda wkoll determinazzjoni u perseveranza.
Fuq il-midja soċjali, ommha qasmet il-ferħ tagħha permezz ta’ dan il-messaġġ mill-qalb, “Għażiża Mariah Busuttil, illum huwa jum ta’ ferħ kbir u ta’ unur kbir għalina. Qalbna mimlija emozzjoni hekk kif ser narawk tilħaq dan l-istadju sabiħ fil-ħajja tiegħek.”
Hi tkompli, “Sena u nofs ilu ggradwajt għall-ewwel darba fil-Baċellerat… u llum qed tirċievi l-ogħla unur mill-Università ta’ Malta fil-Masters in European Politics, Economics, and Law, bl-ogħla marka ġenerali fost il-gradwati kollha.”
Ma’ dan hi żżid, “Minn qalbna ngħidu grazzi lil kull min issaportjak, lil min mexa miegħek fil-mumenti diffiċli, u anke lil min forsi pprova jkissrek, għax flok waqqfek, għamluk aktar b’saħħtek u aktar determinata.”
Josette tkompli, “Grazzi lill-għalliema u lill-lecturers kollha li emmnu fil-potenzjal tiegħek u taw sehemhom fit-tkabbir akkademiku u personali tiegħek. Aħna familja sempliċi, imma għanja fil-valuri. U inti llum ser tagħti prova li meta l-valuri jingħaqdu mal-ħidma u l-umiltà, ma hemmx limiti għal fejn tista’ tasal. Inti ġibt unur kbir lilek innifsek u lilna lkoll.”
Hi ttemm tgħid, “Inħobbuk immens, għażiża bintna. B’ferħ kbir, b’unur u b’imħabba bla tmiem, ommok u missierek.”
Il-kliem tagħha juri kemm dan il-mument huwa aktar minn sempliċi gradwazzjoni, huwa ċelebrazzjoni tal-valuri tal-familja, tas-sagrifiċċji li jsiru fis-skiet, u tal-frott li tagħti ħidma konsistenti.
Il-kisba ta’ bintha hija prova ċara li meta determinazzjoni, umiltà u appoġġ jingħaqdu flimkien, is-suċċess isir possibbli. Għall-familja, dan il-jum jibqa’ wieħed ta’ tifkira, ta’ gratitudni u ta’ kburija li diffiċli titqies bil-kliem.
Facebook / Josette Busuttil