Il-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju jitfakkar kull sena fl-10 ta’ Settembru. Hija problema li qed tikber u n-numri qegħdin dejjem jiżdiedu, sfortunatament.
Kull 40 sekonda xi ħadd ineħħi ħajtu skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Dan ifisser madwar 800,000 ruħ madwar id-dinja kull sena.
Ġie rrappurtat li s-suwiċidju huwa l-kawża ewlenija tal-mewt għal nies ta’ bejn il-15 u d-29 sena u għal kull suwiċidju li jirriżulta f’mewt, hemm daqs 40 attentat ta’ suwiċidju.
It-tema ta’ din is-sena hija kollha dwar Changing the Narrative on Suicide. Importanti li naħdmu flimkien mal-familja, ħbieb, ħaddiema tal-kura tas-saħħa, mexxejja reliġjużi u politiċi tagħna biex nipprevjenu s-suwiċidju permezz ta’ pariri u appoġġ attivi.
Skont sorsi jidher li s-suwiċidju huwa l-għaxar kawża ewlenija tal-mewt fid-Dinja. Din taffettwa l-gruppi ta’ kull età bl-istess mod. Huwa importanti għalhekk li jkun hemm diskussjonijiet dwar is-saħħa mentali, li jagħmilha aktar faċli għall-oħrajn biex jitkellmu dwar iż-żminijiet iebsa li jkunu għaddejjin minnhom u jfittxu għajnuna professjonali jekk ikun meħtieġ.
Jekk int jew xi ħadd li taf teħtieġu l-għajnuna, toqogħdux lura milli tagħmel kuntatt. Kemm jekk hu ħabib ta’ fiduċja, professjonist, jew xi ħadd li tafda u li jista’ joffri appoġġ.
Tista’ wkoll iċċempel fuq is-supportline 179 — dejjem ikun hemm xi ħadd lest biex jisma’.