Illum hija ġurnata li tfakkarna fil-qawwa tal-kliem – kliem li mhux biss jinqara, imma jinħass. Il-21 ta’ Marzu ifakkar ukoll ilJum Internazzjonali tal-Poeżija, okkażjoni li tiċċelebra l-arti tal-poeżija u l-ħila straordinarja tal-poeti li jesprimu dak li ħafna drabi nsibuh diffiċli biex ngħiduh b’fommna.
F’din il-ġurnata speċjali, il-paġna ta’ Facebook Xrara qasmet għadd ta’ kitbiet minn poeti Maltin li jixhdu propju xi tfisser li tkun poeta – persuna li tuża l-lingwa bħala mezz biex tiftaħ qalbha u twassal emozzjonijiet profondi. Fost dawn il-persuni ġew imsemmija Rużar Briffa, Oliver Friggieri, Karmenu Vassallo u Ġorġ Zammit.
Il-poeta mhuwiex sempliċiment min jikteb versi sbieħ jew xi stil juża fl-istruttura poetika. Li tkun poeta jfisser li tara lil hinn minn dak li jidher. Huwa dak li jsib kelma fejn ikun hemm is-silenzju u jagħti forma lil sentimenti li ħafna minna nġorru ġewwa fina iżda ma nesprimuhomx. Il-poeta huwa dak li jħares u japprezza l-affarijiet sempliċi tal-ħajja u minnhom tiġih l-ispirazzjoni. Huwa dak li juża figuri tad-diskors biex jispjega il-ħsibijiet imdawla kif ukoll dawk mudlama.
Il-poeżija hija riflessjoni tal-ħajja – xi kultant ħelwa, xi kultant tqila imma dejjem reali. Hija mezz li jgħaqqad lin-nies, li jiftaħ diskussjonijiet u li jġiegħelna naħsbu bħala qarrejja. U f’pajjiżna, fejn il-lingwa nazzjonali tagħna hija parti kbira mill-identità tagħna, il-poeżija għandha valur saħansitra aktar profond fil-qasam letterarju. Dan il-mument ta’ kburija joħodna lura għas-snin bikrija fejn ġiet skoperta l-ewwel poeżija bil-Malti: Il-Kantilena ta’ Pietru Caxiaro, li wara dak il-mument, il-pinna Maltija ma waqfitx taħdem.
Il-kitbiet li ġew imxerrda minn Xrara jfakkru lil kulħadd li l-poeżija mhijiex biss għall-poeti iżda għal kulħadd. Kull min qatt ħass emozzjoni qawwija, kull min qatt ried jgħid xi ħaġa imma ma sabx il-kliem, jista’ jsawru f’melodija ta’ lessiku. U forsi llum huwa l-mument ideali biex nieqfu ftit u naqraw xi poeżija… jew saħansitra nippruvaw niktbu waħda aħna stess; fuq kollox, għaliex le?