Illum il-Knisja qed tiċċelebra l-konverżjoni ta’ San Pawl – festa importanti ħafna għalina l-Maltin hekk kif dan wassal biex meta San Pawl jiġi fil-Gżejjer tagħna, ġab il-fidi Nisranija miegħu. Huwa stmat li l-konverżjoni saret 35 A.D..
Il-Knisja tagħti importanza kbira lill-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl minħabba l-mod tassew mhux tas-soltu li bih seħħet.
Qabel il-konverżjoni tiegħu, San Pawl kien Lhudi b’ċittadinanza Rumana, studja f’Ġerusalemm u kien imrawwem bħala Fariżew rigoruż u devot b’mod qawwi lejn il-Liġi ta’ Mosè. Din ir-rabta profonda mal-liġi wasslitu biex isir avversarju qalil tal-ewwel komunitajiet Insara, li dak iż-żmien kienu għadhom qed jiffurmaw. Huwa ngħata wkoll is-setgħa mill-awtoritajiet Lhud biex jaqbad lill-Insara kemm fl-ibliet kif ukoll fl-irħula u jwassalhom Ġerusalemm biex jiġu ġġudikati. Skont it-tradizzjoni, kien ukoll preżenti waqt il-mewt martri ta’ San Stiefnu.
Il-laqgħa mhux tas-soltu tiegħu ma’ Ġesù ma bidlitx biss kompletament ħajtu — minn persekutur bla ħniena sarlu wieħed mill-akbar xhieda, għalliema u qaddisin tal-Knisja Nisranija — iżda ħalliet ukoll impatt profond u qawwi fuq il-Knisja nnifisha.