“Illum L-Ewwel Jum Ta’ Proġett Fantastiku Għall-Familji” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, nedew uffiċjalment il-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali proposti, billi stiednu lill-pubbliku jaqsam l-ideat tiegħu dwar dawn is-siti permezz tal-pjattaforma online parksinmalta.mt.

Waqt attività organizzata fil-White Rocks, li rat il-parteċipazzjoni ta’ madwar 80 tifel u tifla minn tliet kulleġġi differenti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan huwa l-ewwel jum ta’ proġett li għandu jġib benefiċċji kbar għall-familji Maltin. Huwa spjega li l-għan tal-inizjattiva huwa li, fost oħrajn, is-sit tal-White Rocks jingħata lura lill-poplu bħala spazju miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern għażel li jibda din il-konsultazzjoni bit-tfal u ż-żgħażagħ, peress li huma se jkunu fost dawk li l-aktar se jgawdu minn dawn il-parks fil-futur. Għalhekk, qal li huwa importanti li tinstema’ l-vuċi tagħhom dwar kif dawn il-postijiet għandhom jiġu żviluppati f’parks nazzjonali.

Dr Abela spjega wkoll li f’pajjiżna hemm aktar minn mitejn spazju miftuħ, u li l-ekonomija b’saħħitha tal-pajjiż tippermetti lill-Gvern jinvesti biex jerġa’ jagħti lura lill-poplu siti li fil-passat kienu suġġetti għal impenji ta’ żvilupp. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru tenna l-impenn politiku li s-siti tal-White Rocks, Manoel Island u Fort Campbell jingħataw lura lin-nies bħala parks nazzjonali.



Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli spjegat li permezz tal-pjattaforma parksinmalta.mt, il-pubbliku qed jiġi mistieden jippreżenta l-ideat tiegħu dwar x’jixtieq jara f’dawn it-tliet siti. Hija qalet li din il-konsultazzjoni pubblika tifforma parti mill-pjan usa’ tal-Gvern biex dawn iż-żoni jinbidlu f’parks nazzjonali li jkunu mfassla skont ix-xewqat tan-nies, b’attenzjoni speċjali lejn il-bżonnijiet tat-tfal u tal-ġenerazzjonijiet futuri.



L-ewwel attività ta’ konsultazzjoni saret fil-White Rocks, sit li jkopri madwar 369,000 metru kwadru u li sa ftit ilu kien maħsub għal żvilupp ekonomiku. Il-Gvern ħabbar li se jirtira s-sejħa pubblika għall-iżvilupp ta’ dan is-sit, sabiex minflok jinbidel f’park nazzjonali għall-użu u t-tgawdija tal-pubbliku.

Fost l-ideat li t-tfal għaddew lill-Prim Ministru kien hemm il-ħolqien ta’ faċilitajiet sportivi bħal basketball court u skatepark, kif ukoll spazji għal sports u logħob tradizzjonali bħall-boċċi u l-passju. Ġiet ukoll enfasizzata l-ħtieġa ta’ żoni ddedikati għal tfal bl-awtiżmu, aċċessibilità sħiħa għal persuni b’diżabilità, kif ukoll faċilitajiet għall-picnics u żoni għall-annimali domestiċi.

L-istudenti semmew ukoll l-importanza tal-konservazzjoni tal-flora u l-fawna naturali, il-ħarsien ta’ insetti u pjanti indiġeni, il-ħolqien ta’ proġetti agrikoli għall-produzzjoni ta’ ħaxix frisk, kif ukoll l-użu tal-binjiet eżistenti bħala spazji kulturali jew mużewijiet.

Permezz ta’ ‘idea wall’, studenti mill-kulleġġi ta’ Santa Clara, Marija Reġina u San Nikola kienu fost l-ewwel li qasmu l-aspirazzjonijiet tagħhom għal dan il-park nazzjonali. Dawn l-attivitajiet ġew organizzati minn Project Green bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Il-pubbliku huwa mistieden jieħu sehem f’din l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni billi jżur is-sit parksinmalta.mt u jaqsam il-fehmiet tiegħu dwar il-futur ta’ dawn it-tliet parks nazzjonali.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI