Għadha kif tħabbret il-mewt tal-attur Zep Camilleri ta' 64 sena, li ħadem ma’ bosta mill-aqwa talenti f’Malta. Numru ta’ atturi Maltin li kellhom ix-xorti jaħdmu ma’ dan l-attur u direttur kbir kitbu fuq il-midja soċjali biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom miegħu. Fost il-produzzjonijiet li rajna liż-Zep fihom insibu Fenomeni, Triq Waħda, Il-Kerrejja u Kristu Fl-Iżbarra. Is-sena l-oħra kien parti wkoll minn Raymond Fights Beck li tella' Teatru Malta b'suċċess kbir.
Neville Refalo irrakonta kif sena ilu, kienu qed jaħdmu flimkien fuq il-proġett ta’ Pawlu l-Babaw. Neville jgħid li ż-Żep daħal b’ruħu u ġismu għal dan il-proġett! Neville ikompli billi jgħid: “għentni bl-esperjenza kbira tiegħek biex inġibuh ħafna aħjar milli kien fil-bidu. Attur brillanti. Direttur kbir. Ħabib u għalliem ikbar. Grazzi ta' kollox. Malta midjuna lejk Zep. Strieħ fis-sliem u ħarisna minn hemm fuq b'dik id-daħka li dejjem kellek fuq wiċċek.”
Ritratt: Facebook / Zep Camilleri
Il-kantant Roger Tirazona kiteb: “L-ewwel esperjenza tiegħi fuq il-palk kienet maż-Żep, u ħdimt miegħu bħala adult ukoll. Qatt ma ser ninsa l-entużjażmu, l-enerġija u r-rispett li kien juri. RIP Żepp.” Il-kantanta Ina Robinich qalet li l-aħħar li rat liż-Żep wera x-xewqa li jaħdem magħha u hi wieġbet meta trid. Tkompli billi tgħidlu: "Grazzi ta’ kollox, ma ninsa qatt l-punti li kont tgħaddili u nibqa' nużahom għax għallimtni ħafna. Strieħ fis-sliem direttur minn qalbi nerġa’ ngħidlek grazzi Zep."
Ludwig Galea kiteb li dejjem tad-dwejjaq li ssellem lil xi ħadd speċjalment ħabib kbir, kollega u artist! Lawrence Gray ikkumenta kemm hi ħaġa tad-dwejjaq u jsellem lil artist, jgħid li kien wieħed mill-aqwa diretturi f'pajjiżna li qatt ħadem magħhom u jirringrazzjah għall-pariri siewja li dejjem għaddielu.
Toni Busuttil ukoll sellem il-memorja ta' dan l-artist u qal "aħbar kerha dalgħodu", ħsieb li esprima wkoll Vince Fabri li qal li jinsab tassew imnikket bit-telfa taż-Żep u tliet artisti oħra li ħallew din id-dinja din is-sena, Benny Casha, Tony Scott u Ivan Fenech. Debbie Scerri tgħid: "Illum ninsab bla kliem, qisni tlift it-tieni missier. Strieħ fis-sliem u ferraħ lil Mulej fis-sema li laqgħek b'idu miftuħa."
Ivan DeBattista jgħid: "It-teatru Malti tilef ikona. L-ewwel biċċa xogħol li ħdimna miegħu jien u Simone kienet Inez Farrug, fejn Zep Camilleri kien id-direttur. Zep kien attur brillanti, producer eċċellenti u direttur mill-aqwa. Kien ħabib tagħna li emmen fina u li għallem ħafna matul ħajtu. Grazzi ta' kollox, Zep."
Minn hawn nieħdu l-opportunità f’isem Gwida.mt, ningħadqu ma' dawn l-artisti lokali biex insellmu l-memorja ta’ dan l-artist u nagħtu l-kondoljanzi tagħna lil familja tiegħu. Strieħ fis-sliem.
Facebook / Zep Camilleri