L-età li fiha n-nisa Maltin qed jagħżlu li jkollhom it-tfal inbidlet b’mod sostanzjali matul l-aħħar 15-il sena, skont data mis-Sistema Nazzjonali ta’ Informazzjoni Ostetrika (NOIS). Meta tqabbel iċ-ċifri tal-2010, 2020 u 2024 tidher evidenti l-bidla li saret li tista’ tgħid hi riflessa f’bidla soċjali usa’ fil-mod kif u meta qed jiġu ppjanati l-familji.
Fl-2010, l-iktar twelid kien iseħħ fost nisa ta’ bejn il-25 u d-29 sena, filwaqt li t-twelid minn ommijiet adolexxenti kien għadu jifforma parti notevoli mill-istampa ġenerali. Dik is-sena ġew irreġistrati 255 twelid minn ommijiet taħt l-20 sena, u l-età medja tal-omm kienet ta’ 29 sena. L-iżgħar omm kellha 14-il sena, filwaqt li l-akbar kellha 45 sena. L-età li dehret l-aktar ta’ spiss kienet dik ta’ 28 sena.
Għaxar snin wara, l-xenarju nbidel b’mod ċar. Fl-2020 u fl-2024, il-grupp ta’ età bejn it-30 u l-34 sena sar dak bl-akbar sehem tat-twelid: 37.1% fl-2020 u 38.4% fl-2024. Dan jikkonferma n-normal ġdid ta’ nisa li qed jagħżlu li jsiru ommijiet aktar tard fil-ħajja. Fl-istess perjodu, it-twelid fost nisa fl-għoxrinijiet tagħhom u fost adolexxenti naqas b’mod konsiderevoli.
Il-figuri ewlenin juru tnaqqis qawwi fit-twelid minn adolexxenti. Fl-2010 kien hemm 255 twelid minn ommijiet taħt l-20 sena, sal-2024, it-twelid minn nisa ta’ bejn il-15 u d-19-il sena naqas għal 2.1% tat-twelid kollu.
Mill-band l-oħra kien hemm żieda qawwija fost nisa ta’ 35 sena ‘l fuq. Fl-2024, nisa ta’ bejn il-35 u d-39 sena rrappreżentaw 24.2% tat-twelid kollu, filwaqt li dawk ta’ bejn il-40 u d-44 sena ammontaw għal 5.2%. Dan meta mqabbel ma’ proporzjonijiet ferm iżgħar għaxar snin ilu, meta t-twelid f’dawn l-etajiet kien għadu ftit aktar minn 500 każ.
Il-mistoqsija li tibqa’ hi waħda ċara: x’inhuma l-fatturi soċjali, ekonomiċi u personali li qed iwasslu biex in-nisa f’Malta qed jipposponu l-maternità? Din il-bidla tissuġġerixxi realtajiet ġodda fil-qasam tax-xogħol, l-edukazzjoni, ir-relazzjonijiet u l-istabbiltà finanzjarja li tiftaħ diskussjoni usa’ dwar kif is-soċjetà qed tadatta għal dawn il-mudelli ġodda tal-ħajja.