Matul din is-sena sfortunatament smajna b’diversi personalitajiet li ħallew din id-dinja u li matul ħajjithom ħallew impatt kbir u rnexxielhom jispiraw lil dawk ta’ madwarhom bid-determinazzjoni li wrew. Fosthom hemm:
1. Il-Papa Franġisku – 21 t’April
Biljuni minn madwar id-dinja f’April li għadda bkew it-telfa tal-Papa Franġisku li ħalla din id-dinja wara diversi ġimgħat rikoverat l-isptar. Żgur li l-Papa Franġisku jibqa’ magħruf għall-ħidma tiegħu b’risq dawk l-iżjed emarġinati fis-soċjetà u għall-ħajja sempliċi li dejjem għażel li jgħix.
2. L-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona – 18 ta’ Marzu
Ħa t-tmun tal-Knisja Kattolika f’Malta f’idejh bejn l-2007 u l-2014. Żgur li l-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona jibqa’ magħruf għall-umiltà u l-ġentilezza li dejjem wera matul ħajtu.
3. Marylu Coppini – 25 ta’ Diċembru
Proprju f’jum il-Milied ħalliet din id-dinja l-ikona Marylu Coppini li matul ħajjitha ħadet sehem f’numru kbir ta’ produzzjonijiet fuq it-teatru u kellha wkoll l-opportunità li taħdem f’oħrajn televiżivi fosthom Villa Sunset kif ukoll Santa Monika.
4. AJ Difesa Stoner – 4 ta’ Novembru
Żagħżugħ ta’ 14-il sena li bid-determinazzjoni li dejjem wera fil-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer kien jispira lil ħafna. F’intervista waqt AWLA, ż-żagħżugħ kien sostna li “fil-ħajja qatt ma trid taqta qalbek, anke meta tkun f’sitwazzjoni diffiċli”.
Sfortunatament, madwar xahrejn ilu, ż-żagħżugħ tilef il-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer bil-memorja tiegħu tħalliet ħajja permezz ta’ siġra li tħawwlet fis-Seminarju tal-Arċisqof, l-iskola li kien jattendi fiha.
5. Charles Stroud – 16 t’Awwissu
Matul ħajtu dderiġa numru kbir ta’ produzzjonijiet li lkoll flimkien sawru t-televixin Malti kif nafuh illum il-ġurnata. Huwa meqjus bħala pijunier tad-drama Maltija. Fost ix-xogħolijiet li dderiġa hemm F’Baħar Wieħed, Ingroppi, Kristu tal-Kerrejja kif ukoll Nostalġija.
6. Iċ-ċkejkna Tessa – 16 ta’ Novembru
Minkejja l-età tenera tagħha, ċ-ċkejkna Tessa matul ħajjitha dejjem iġġieldet b’perseveranza kontra marda rari li kellha magħrufa bħala Nemaline Myopathy. Sfortunatament, madwar xahar u nofs ilu tilfet il-ġlieda tagħha kontra din il-marda rari bir-reżiljenza tagħha żgur li se jibqa’ jispira lil ħafna.
7. Anthony Spiteri Debono – 24 ta’ Lulju
In-nutar Anthony Spiteri Debono, ir-raġel tal-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono, kien magħruf għall-karattru umli tiegħu hekk kif dejjem kien ifittex li jgħin lil dawk ta’ madwaru. Sfortunatament, minħabba kumplikazzjonijiet ta’ saħħa, kien ħalla din id-dinja f’Lulju li għadda.
8. Monsinjur Victor Grech – 5 ta’ Frar
Matul ħajtu dejjem kien voċiferu dwar kwalunkwe inġustizzja soċjali li kienet qed isseħħ. Ħadem qatigħ ukoll sabiex jgħin persuni maħkumin minn xi vizzju fosthom tad-droga. Sabiex ikun f’qagħda aħjar li jgħin lil dawn il-persuni, fl-1985, kien ukoll waqqaf il-Caritas u għal ħafna snin serva bħala d-direttur tagħha.
Monsinjur Victor Grech żgur li jibqa’ magħruf għall-ġid li għamel matul ħajtu.
Jistrieħu fis-sliem!
Facebook / Paroċċa tal-Ibraġ u l-Arċidjoċesi ta’ Malta u Instagram / Papa Franġisku