Infakkru T-Tlieta U Għoxrin Sena Mill-Mewt Ta’ Patri Anthony Parnis O.Carm – It-Tielet Kappillan Tal-Parroċċa Ta’ Fleur-de-Lys

llum, it-Tnejn 15 ta’ Diċembru, jaħbat it-23 sena mill-mewt ta’ Patri Anthony Parnis O.Carm, it-tielet kappillan li kellha l-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys. Huwa kien magħruf bħala bniedem dedikat li ħabb lin-nies u serva b’qalb kbira fil-komunità. B’hekk illum hija okkażjoni speċjali li tqajjem tifkira u gratitudni lejn figura li ħalliet marka spiritwali u pastorali fil-komunità parrokkjali.

Fil-25 ta’ Jannar 1975, il-Knisja ta’ Fleur-de-Lys ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala parroċċa u Patri Parnis kien fost il-kappillani li serva hekk kif il-parroċċa kibret bħala komunità spiritwali. Bħala membru tal-Ordni Karmelitana, Patri Parnis għex u serva skont spiritwalità li tagħti importanza kbira lit-talb u l-ħajja spiritwali, is-servizz pastorali kif ukoll il-ħajja komunitarja.

Huwa kien magħruf li ħadem flimkien mal-Komunita’ Karmelitana fuq proġetti differenti — fosthom iċ-Ċentru Familja Karmelitana, spazju komunitarju fejn kien isir talb u laqgħat ta’ gruppi parrokkjali kif ukoll diversi attivitajiet għall-komunità. 



Embed

Din is-sena, il-parroċċa fakkret ukoll anniversarju importanti ieħor — il-50 sena mit-twaqqif tagħha. Bl-istess mod f’dan il-kuntest speċjali, il-komunità qed tkompli bit-tradizzjoni li tfakkar fl-anniversarju tal-mewt tal-patrijiet u r-reliġjuzi tal-parroċċa li matul is-snin servew is-snin tal-ħidma tagħhom b’dedikazzjoni u mħabba. Dawn l-anniversarji qed ikomplu jiġu ċċelebrati permezz ta’ quddiesa.



B’hekk illum il-quddiesa tas-6.30 pm se tkun offruta għal ruħ Patri Anthony Parnis. Ġest li jfakkar mhux biss il-ħidma pastorali tiegħu, iżda wkoll il-wirt spiritwali li ħalla warajh.

Il-parroċċa qed tħeġġeġ lill-parruċċani u lill-komunità kollha biex jattendu għal din il-quddiesa ta’ tifkira, f’mument ta’ talb u ringrazzjament lejh li bħal bosta reliġjużi oħra fil-parroċċa, ta’ ħajtu għas-servizz tal-Knisja u tal-poplu t’Alla.



Ritratti:

Facebook/ Parrocca Fleurdelys Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI