Inizjattiva Annwali Ta’ Solidarjetà Twassal Ferħ Lil Tfal Fil-Bżonn F’Dan L-Istaġun Festiv

CSB Group reġa’ għal darb’ oħra wera l-veru spirtu tal-Milied permezz tal-inizjattiva ġeneruża annwali tiegħu f’kollaborazzjoni ma’ Toys for Tots Malta, tim li jaħdem bla waqfien sabiex ipoġġi tbissima fuq wiċċ it-tfal li jinsabu għaddejjin minn żminijiet diffiċli.



Din is-sena, il-Kumitat Soċjali ta’ CSB għażel li jiffoka fuq żewġ entitatjiet li t-tnejn li huma jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ bosta: il-Fairyland Ward ġewwa Mater Dei li tipprovdi kura medika lil tfal, minn trabi sa żgħażagħ ta’ sittax-il sena u Fondazzjoni Sebħ, li tipprovdi kenn, sapport u programmi speċjalizzati għal tfal, nisa u familji li jgħaddu minn sfidi serji fosthom il-vjolenza domestika.



Il-Fairyland Ward huwa magħruf għall-ambjent ferrieħi u l-kuluri vibranti tiegħu, maħluq biex itaffi l-ansjetà minn żmien diffiċli filwaqt li l-professjonisti jagħtu mhux biss kura medika iżda wkoll sapport emozzjonali lil min ikun għaddej minn mumenti kruċjali. Min-naħa l-oħra, Fondazzjoni Sebħ toffri stabilità, protezzjoni u opportunità lil kull min ma jistax jgħix fiċ-ċirkustanzi normali tal-familja.



Id-donazzjonijiet miġbura ntużaw biex jinxtraw ġugarelli u oġġetti ta’ stationary adattati skont l-età. B’kollox, 138 rigal ġew imqassma b’mod maħsub bejn il-Fairyland Ward u Fondazzjoni Sebħ bl-għan li t-tfal jistgħu jħossu ftit aktar serħan u ferħ matul dan l-istaġun festiv.

Għal CSB Group, din ir-responsabbiltà soċjali mhijiex biss pass annwali iżda ġġorr valur profond għax warajha hemm qalb li temmen fl-umanità, fil-ġid li nistgħu noħolqu meta ningħaqdu u fid-differenzi ċkejkna li kapaċi jdawlu l-ħajja ta’ persuna anke jekk għal mument wieħed biss.

Inizjattivi bħal dawn ifakkruna li l-istaġun tal-Milied ma jfissirx biss affarijiet materjalistiċi. Ta’ spiss nispiċċaw ninsew is-sinifikat proprju tiegħu: dak fuq livell ta’ kompassjoni, ferħ, tama, paċi u għaqda. CBS Group huwa xempju tal-poplu qalbieni Malti – tassew wera kemm is-solidarjetà f’Malta tibqa’ waħda ħajja, b’saħħitha u ta’ ispirazzjoni.

Ritratti:

Facebook / CSB Group

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI