Il-Premju Buonamico huwa rikonoxximent imsemmi wara Giovanni Francesco Buonamico, Malti li kellu għal qalbu n-natura lura fis-seklu 17, li l-interessi intellettwali tiegħu wassal għall-kitba ta’ mill-inqas erba’ manuskritti importanti dwar l-istorja naturali. Dawn kienu jinkludu l-ewwel flora tal-Gżejjer Maltin, l-hekk imsejħa manuskritti Brevis Notitia.
Dan l-unur ilu jingħata għal dawn l-aħħar erba’ snin u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tieħu ħsieb torganizza l-Premju Buonamico. Din hija ċerimonja ta’ għoti ta’ premjijiet ta’ kull sena taħt il-patroċinju tal-Eċċelenza Tiegħu l-President ta’ Malta biex jonora lil dawk l-individwi li l-azzjonijiet u l-kisbiet tagħhom ibbenefikaw il-bijodiversità u l-ambjent tagħna.

Din is-sena, l-ERA qed taħdem b’mod differenti minħabba li qed tistieden lill-pubbliku biex jissottometti n-nominazzjonijiet tiegħu għal individwi u entitajiet li jistgħu jistħoqqilhom dan il-premju f’din il-ħames edizzjoni tal-Premju Buonamico. Entitajiet jistgħu jkunu wkoll intrapriżi privati, kunsilli lokali, jew organizzazzjonijiet governattivi jew mhux governattivi.
Biex wieħed jagħmel dan irid jimla applikazzjoni li tinstab fuq is-sit tal-ERA, wieħed jista’ jidħol HAWN biex jaċċessa din il-formola. Ma fadalx wisq żmien minħabba li s-sottomissjonijiet jagħlqu nhar il-Ħadd, 5 ta’ Settembru. Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni billi jidħol HAWN. Jekk taf lil xi ħadd li ħaqqu dan l-unur mela nistiednuk tinnominah għal dan l-unur prestiġjuż.

Ir-rebbieħa tas-sena li għaddiet ta’ dan il-premju prestiġjuż kienu s-Sa. Jennifer Fiorentino u s-Sinjur Alfred Micallef, żewġ għalliema tal-bijoloġija li ħadmu bla waqfien fil-qasam tagħhom u għamlu differenza li waslet għall-bidliet importanti!