Bil-mod uniku u speċjali tagħhom, ħafna drabi jkunu t-tfal stess li jwasslulna u jgħallmuna l-aktar messaġġi u lezzjonijiet importanti fil-ħajja. Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal Chris Bonnett f’post li qasam fuq il-midja soċjali, fejn enfasizza r-rwol kruċjali li għandhom iż-żgħażagħ fit-tisħiħ ta’ kultura ta’ rispett u responsabbiltà fit-toroq.
F’dan il-kuntest, ġew ippremjati l-iskejjel u t-tfal li pparteċipaw fil-Malta Road Safety Competition, inizjattiva li kellha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq b’mod kreattiv u edukattiv. Skont Bonett, dawn l-inizjattivi mhux biss jagħtu spazju lit-tfal biex jesprimu ruħhom, iżda wkoll juru kif, sa minn età żgħira, jistgħu jkunu protagonisti ta’ bidla pożittiva fis-soċjetà.
Il-kompetizzjoni serviet bħala mezz biex jitwasslu messaġġi ċari dwar l-importanza tar-rispett bejn l-utenti kollha tat-triq. Fl-istess ħin, ħeġġet lill-edukaturi u lill-ġenituri jaħdmu flimkien sabiex dawn il-valuri jitrawmu b’mod konsistenti, kemm fl-iskejjel kif ukoll fid-djar.
Din l-inizjattiva tifforma parti minn pjan usa’ li għandu l-għan li jżomm is-sigurtà fit-toroq bħala prijorità nazzjonali. Il-messaġġ hu wieħed ċar: il-bidla fit-tul tibda mill-edukazzjoni u mill-għarfien, u t-tfal huma ċ-ċavetta biex jinbena futur b’aktar rispett, dixxiplina u sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna.