Jumejn ilu ippubblikajna artiklu dwar ir-rapport minn Franza, fejn madwar 216,000 tifel u tifla sfaw vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-Knisja Kattolika sa mill-1950. Dan kien ġie żvelat f’rapport investigattiv ippubblikat minn Jean-Marc Sauvé, il-kap ta’ bord li investiga abbużi sesswali mill-membri tal-Knisja Kattolika.
Ntqal li n-numru ta’ abbużi jistgħu jitilgħu għal 330,000 meta jiġu inklużi magħhom l-abbużi li saru mil-lajċi. Wieħed mill-vittma sejjaħ ir-rapport investigattiv bħala xaqq ta’ dawl fl-istorja ta’ Franza. Il-kummissjoni sabet evidenza li kien hemm bejn 2,900 u 3,200 saċerdot li wettqu dawn l-abbużi minn total ta’ 115,000 qassis. Ir-rapport kien ibbażat fuq informazzjoni miġbura mill-arkivji tal-Knisja, tal-qorti u tal-pulizija kif ukoll minn intervisti li saru mal-vittmi.
Jikkummenta dwar dan waqt intervista ma’ Vatican news l-Arċisqof Charles Scicluna fejn tkellem dwar il-fatt li minflok nikkummentaw u nirreaġixxu għal dawn ir-rapporti, hemm bżonn nieħdu azzjoni. Hemm bżonn li nkunu hemm għall-vittmi u naraw minn fejn verament ġejja l-problema. “Irridu nisimgħu lill-vittmi, irridu nagħtuhom vuċi.”
Għall-intervista sħiħa tista’ tidħol HAWN