Il-Malta International Arts Festival ta’ din is-sena ttella’ b’mod straordinarju kif qatt ma rajnieh qabel – b’edizjoni online. Rajna bosta spettakli li jiċċelebraw tliet oqsma tal-arti: l-iżfin, il-mużika u t-teatru.
Dan il-festival juri biċ-ċar is-solidarjetà tal-artisti Maltin, hekk kif ingħaqdu flimkien f’produzzjonijiet emozzjonanti li żgur nisslulna tbissima u saħħruna bil-ġmiel u l-espressjoni artistika tagħhom.
Wasalna fl-aħħar ġimgħa ta’ dan il-festival ta’ 17-il ġurnata – imma tinkwetawx, fadal ħafna x’taraw.
Mewġa – it-Tnejn 29 ta’ Ġunju
Jekk għandkom għal qalbkom il-lingwa Maltija, tistgħu ssegwu l-monologu ‘Mewġa’ li ser jittella’ llejla fit-20:35. Dan il-monologu ta’ Simone Spiteri, jitratta dwar ossessjoni partikolari li għandu l-karattru Jonathan … imma tgħid x’inhi? Dan il-monologu huwa totalment bil-Malti, b’sehem l-attur bravu André Mangion.

Ritratt: Mewġa
Evol – it-Tlieta 30 ta’ Ġunju
Evol hija prestazzjoni unika b’koreografija u żfin ta’ Dorian Mallia, miktuba flimkien ma’ Erica Muscat. Iż-żfina ser tiġi akkumpanjata minn set ta’ ħames preludji fuq il-pjanu ta’ Claude Debussy, li ser jiġu interpretati mill-mużiċist bravu Francis Camilleri.

Ritratt: Evol
Horn Quartet – l-Erbgħa 1 ta’ Lulju
Min iħobb il-mużika klassika għandu spettaklu mill-isbaħ lest għalih. L-orkestra filarmonika ta’ Malta ser tkun qed toffri prestazzjoni mill-isbaħ bl-isem ta’ Horn Quartet, ensemble mużikali li tesebixxi tliet arranġamenti minn Etienne Cutajar apposta għal French horn quartet, titilfuhiex! Dan il-proġett qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ma Spazju Kreattiv.
77 and 7 Days – il-Ħamis 2 ta’ Lulju
L-aħħar monologue ta’ dan il-festival! Monologu bl-Ingliż li jitratta dwar xi ħadd li wasal fi tmiem ta’ ħajtu waqt li jinsab f’solitudni. Mill-pinna tal-awtur Malcolm Galea, b’sehem l-attur Mikhail Basmadjian, dan il-monologu jġegħelna naħsbu – kieku kellna ċ-ċans nerġgħu nibdew ħajjitna mil-ġdid, noħduh? U kieku nagħżlu l-istess triq?
String Quartet – il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju
L-aħħar spettaklu tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ser iġib l-isem ta’ String Quartet, fejn dawn l-istrumenti ser jingħaqdu f’sinfonija li tiċċelebra x-xogħol tal-kompożitur mibki Joseph Vella. Dan il-proġett qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ma Spazju Kreattiv.

Ritratt: String Quartet – L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta
Opera Highlights/Archive series – is-Sibt 4 u il-Ħadd 5 ta’ Lulju
Dan il-festival ser jagħlaq bil-kbir hekk kif is-Sibt u l-Ħadd ser jittellgħu l-Opera Highlights bħala parti mill-Hybrid Festival ta’ Festivals Malta. L-artisti ser ikunu qed iżuru lokalitajiet madwar Malta u joffru spettaklu ta’ opera fuq double-decker bus – oħorġu fil-gallariji, itilgħu fuq il-bjut u gawdu dan l-ispettaklu mill-kumdità ta’ djarkom.

Ritratt: Is-sopran Francesca Aquilina flimkien mat-tenur Angela Muscat waqt il-provi għall-Opera Highlights
Opera Highlights/Archive series – is-Sibt 4 u il-Ħadd 5 ta’ Lulju
Apparti minhekk, ser jintwerew l-aħħar żewġ vidjows mill-archive series! Ftakru, li jekk tliftu xi episodju minn dan is-serje ta’ vidjows, tistgħu terġgħu tarawom fuq il-paġna ta’ Festivals Malta, imma għaġġlu, għax dawn ser jibqgħu aċċessibbli sal-Ħadd 12 ta’ Lulju!

Ritratt: Stephen Buhagiar – Temple Percussion (MIAF Archive Series)
Għal aktar informazzjoni, żuru s-sit ta’ Festivals Malta billi tidħlu HAWN u tinsewx tidħlu fuq il-paġna ta’ Facebook HAWN!
Stephen Buhagiar – Id-Direttur Artistiku Ruben Zahra