Ilbieraħ fuq il-programm Il-Personaġġ Tal-Ġimgħa, NET Fm sellmu l-memorja tat-tabiba Maria Sciberras f’għeluq l-10 snin mill-mewt tagħha. Qasmu wkoll ftit informazzjoni fuq il-paġna tagħhom.
Huma qalu, “It-tabiba Sciberras baqgħet magħrufa l-aktar bħala pijuniera fil-kampanja t’għarfien kontra l-vizzju tad-droga u kienet minn tal-ewwel li ħadmet biex f’Malta jkun hawn ċentru ta’ Detox li jinsab ħdejn l-isptar San Luqa. Il-ħidma tagħha baqgħet tinħass sal-lum il-ġurnata u hi baqgħet imfaħħra minn bosta persuni li ħadmet magħhom matul is-snin. Kienet strumentali biex l-isptar Santa Marija li jinsab Ħal Luqa jinbidel f’post ta’ terapija residenzjali.”
Qalu wkoll, “Intervista interessanti li saret fis-17 ta’ Frar tal-1995 fejn tirrakkonta dwar tfulita, l-edukazzjoni u l-ħidma tagħha favur dawk il-persuni bil-vizzju tad-droga. Ħalliet dan il-wied tad-dmugħ fis-27 ta’ Frar tal-2015.”